Kemm stejjer jirrakkuntaw il-ħitan tal-knejjes tagħna!
It-Tieni Riflessjoni dwar il-pitturi ta’ Michele Bellanti fil-Knisja tal-Lunzjata, l-Imdina
Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.
Rumani 8, 28
Bħalma d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu u l-Labtu huma tant qawwija fostna l-Maltin, daqstant ieħor għandha importanza dil-Knisja tal-Karmelitani fin-nisġa tal-ġrajja ta’ pajjiżna.
Għalkemm din mhijiex l-ewwel knisja li nbniet f’dan is-sit, meta l-kappella u l-biċċa tal-madwar għaddew f’idejn il-Karmelitani f’nofs is-seklu sbatax, bejn l-1660 u l-1675 inbniet knisja ġdida probabbilment fuq disinn ta’ Mederico Blondel des Croisettes. Din kienet l-ewwel knisja li nbniet f’forma ovali f’Malta u hija wkoll waħda mill-knejjes fuq disinn imsejjaħ “iċċentralizzat” tal-epoka Barokka f’Malta.
Wara t-terremot tal-1693, il-Kapitlu tal-Katidral u l-Parroċċa tal-Imdina bdew jiffunzjonaw minn din il-knisja sakemm tlesta x-xogħol fuq il-katidral il-ġdid u ġie kkonsagrat fl-1702. Madwar mitt sena wara, f’Lulju tal-1798, din il-knisja ġiet imneżża’ mill-oġġetti tal-fidda mill-ħakkiema Franċiżi sabiex jiffinanzjaw il-kampanji militari ta’ Napuljun. Iżda, meta f’Settembru tal-istess sena, il-Franċiżi rritornaw biex jisirqu d-damask, grupp ta’ Maltin inqaflu fil-knisja, u jingħad li kien hemm tifel li tela’ fil-kampnar biex jgħarraf b’dak li kien qed iseħħ. Kien proprju dan l-avveniment li ta bidu għar-reżistenza kontra l-ħakma Franċiża li ġiet fi tmiemha fl-1800.
Ma’ dawn il-ġrajjiet ‘kbar’, min jaf kemm oħrajn iżgħar u iktar personali huma marbutin ma’ din il-knisja. Ġrajjiet ta’ patrijiet li bejn l-erba’ ħitan tal-monasteru tqaddsu bil-ħeġġa għal Alla taħt il-ħarsien ta’ Marija. Rakkonti ta’ familji—nobbli u fqar—li fin-nisġa tagħhom hemm il-ħjut tad-deheb ta’ dan il-maqdes. Stejjer ta’ devozzjoni, talb, tnehid, u radd il-ħajr għal grazzji maqlugħa.
Kos, toqgħod tgħid: kemm stejjer jirrakkuntaw il-ħitan tal-knejjes li bihom artna hi miżgħuda, bħal donnha xi Olimpu ta’ tempji u allat jew il-Muntanja Atos bil-ħafna monasteri tagħha. Forsi waqt li tkun qed tieħu xi vaganzi matul dan is-sajf, ma tagħmilx ħażin jekk tieqaf ftit u tiftakar fil-knejjes li jdommu l-ġrajja tiegħek u tal-familja tiegħek. U ma tagħmilx ħażin li tmur tiltaqa’ mal-passat tiegħek hemmhekk ukoll sabiex tarah fid-dawl tas-Sid tal-istorja u tal-pjan tiegħu ta’ mħabba għalik u għall-umanità.