“Kieku kont taf id-don ta’ Alla”
L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Virtujiet Kardinali fil-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi
Mara ta’ ħila min isibha?
Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar.
Fuqha tistrieħ qalb żewġha,
u dan żgur ikunlu ta’ ġid.
Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin,
il-jiem kollha ta’ ħajjitha.
Proverbji 31, 10-12
Fis-sensiela ta’ riflessjonijiet li ġejjin se ndawru rasna dawra tond taħt il-koppla tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi ddedikata lil San Nikola, fejn mal-erba’ pendenti li fuqhom bħal donnha tistrieħ il-koppla nsibu rrappreżentati l-erba’ virtujiet kardinali, xogħol tal-artist Malti Lazzaro Pisani (1854-1932). Il-kelma kardinali ġejja mill-kelma latina cardo, li fost l-oħrajn tfisser ċappetta, u jissejħu hekk proprju għax, kif insibu fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika:
Hemm erba’ virtujiet li fuqhom bħal fuq ċappetta jistrieħu l-virtujiet l-oħra kollha; għalhekk jissejħu virtujiet “kardinali”; il-virtujiet l-oħra kollha jinġabru madwarhom. Dawn l-erba’ virtujiet huma l-għaqal, il-ġustizzja, il-qawwa u l-qies (rażan, temperanza). (KKK, par. 1805)
Il-virtujiet huma rrappreżentati bħala figuri femminili għax huma kwalitajiet tar-ruħ, li fil-Latin (anima) hija fil-femminil. Kull waħda minn dawn il-figuri hija distinta permezz ta’ simboli li xi wħud huma speċifikament insara filwaqt li simboli oħra jmorru lura għad-dinja klassika—simboli li wħud minnhom iktar huma assoċjati mal-ġeneru maskili, bħalma pereżempju l-armatura tas-suldat.
F’Mulieris Dignitatem, San Ġwanni Pawlu II jikkonkludi hekk:
“Kieku kont taf id-don ta’ Alla” (Ġw 4, 10), jgħid Ġesù lis-Samaritana waqt wieħed minn dawk id-djalogi tal-għaġeb li juru kemm kellu stima għad-dinjità ta’ kull mara u għall-vokazzjoni li tippermettilha tieħu sehem fil-missjoni tiegħu ta’ Messija.
Dawn ir-riflessjonijiet, li issa waslu fi tmiemhom, huma orjentati sabiex jirrikonoxxu fil-qalba tad-“don ta’ Alla” dak li hu, bħala ħallieq u feddej, jafda lill-mara, lil kull mara. Fl-Ispirtu ta’ Kristu, fil-fatt, hi tista’ tagħraf it-tifsira sħiħa tal-femminilità tagħha u b’dan il-mod tpoġġi lilha nnifisha għad-“don sinċier tagħha stess” lill-oħrajn, u hekk “issib” lilha nnifisha. (par. 30).
Ġwanni Pawlu II, Mulieris Dignitatem (Awwissu 15, 1988), par. 30
Quddiem dawn il-figuri, irrifletti fuq ir-ruħ tiegħek quddiem Alla, mhux f’qagħda li tiddomina, imma f’qagħda li tirċievi kollox bħala grazzja.