Kollok sabiħa int, Marija
It-Tieni Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija, Burmarrad
Kollok sabiħa int, Marija,
u t-tebgħa tad-dnub tan-nisel ma tinsabx fik.
Inti l-glorja ta’ Ġerusalemm.
Inti l-ferħ ta’ Israel.
Inti l-ġieħ ta’ ġensna.
Inti avukata tal-midinbin.
O Marija!
Verġni kollok għaqal.
Omm kollok ħniena.
Idħol għalina
quddiem Sidna Ġesù Kristu.
Tota Pulchra
F’dan il-kwadru titulari lil Marija narawha żagħżugħa, sabiħa, kif il-familja Franġiskana għannitilha tul is-sekli: “Tota pulchra es, Maria, et macula originalis non est in te”—Kollok sabiħa int, Marija, u t-tebgħa tad-dnub tan-nisel ma tinsabx fik. Narawha fil-glorja lil dik li, sa mill-qedem, il-Knisja attribwit lilha l-kliem tal-Għanja tal-Għanjiet li jsib l-eku tiegħu fil-Ktieb tal-Apokalissi:
“Min hija dik li tielgħa bħaż-żerniq,
sabiħa donnha l-qamar,
tiddi bħax-xemx,
tal-biża’ bħall-eżerċtu lest għat-taqbida?”
Għanja tal-Għanjiet 6, 10
Fuq il-lemin tagħha, għandha lil San Luqa jħares lejn Marija b’ammirazzjoni u f’idu jżomm tila, waqt li żewġ puttini jittajru biex iżommu qribu l-meħtieġ għall-pittura. San Luqa kien sieħeb ta’ San Pawl fil-vjaġġ tiegħu lejn Ruma u n-nawfraġju providenzjali f’Malta, hekk li jikteb ir-rakkont li nsibu fl-Atti tal-Appostli fl-ewwel persuna fil-plural. San Luqa huwa wkoll ko-patrun tal-parroċċa ta’ Burmarrad.
Skont leġġenda li tmur lura minn tal-anqas għall-ħames seklu wara Kristu, San Luqa pitter xbieha ta’ Marija fuq wiċċ ta’ mejda maħduma minn San Ġużepp u li ħadet magħha meta marret ma’ San Ġwann li lilu ġiet fdata fuq is-Salib minn Kristu—u miegħu ġejna fdati bi wliedha aħna wkoll. U, waqt din il-ħidma artistika delikata, San Luqa qagħad jisma’ lil Marija tirrakkonta l-ġrajjiet ta’ Binha u tagħha, hekk li seta’ tassew iħallilna l-isbaħ ikona ta’ Marija bir-rakkont mirqum tat-tħabbira mill-Anġlu Gabrijel li l-Evanġelista niseġ b’sengħa tal-kitba liema bħalha.
U l-istess tixtieq tagħmel Marija llum fuq it-tila tal-ħajja tagħna: hi trid tirrakkuntalna mill-ġdid il-ġrajja ta’ Binha sabiex din il-ġrajja tieħu l-ħajja mill-ġdid u titpitter fuq it-tila tal-ħajja tagħna. Bla dubju, il-ħajja tagħna mhijiex kapulavur. Nafuhom l-irqajja mudlama tagħha. Nafuhom il-pinzellati xejn delikati tal-imħabba tagħna li mhux dejjem hija safja u mhux dejjem hi tassew imħabba. Imma, b’xorti tajba, il-pinzellati tal-ħajja tagħna mhumiex kollha tagħna, imma hemm id-daqqiet tal-Imgħallem. U iktar ma nfittxu li nieqfu u nisimgħuh ikellimna, iktar ma nieqfu u nisimgħu lil Ommu tgħidilna dak li tgħożż f’qalbha u li kienet taħseb fuqu bejna u bejn ruħha sakemm ratu jseħħ għal kollox, iktar il-pittura tal-ħajja tagħna tkun tiddi bid-dija tas-sema li waħedha biss tista’ tofroq id-dlam tal-qtigħ il-qalb, is-solitudni, in-nuqqas ta’ mħabba, il-qerq, l-inġustizzja, is-swied ta’ qalb u n-niket. U nħalluha tirrakkuntalna l-ġrajja tagħna mhux kif inħarsu lejha aħna—bħala sensiela ta’ fallimenti jew ta’ suċċessi miksuba bil-qerq—imma mil-lenti tal-grazzja li twiddeb u taħfer, tikxef il-feriti—ukoll dawk qodma u fondi—sabiex tfejjaqhom u jsiru għejun ta’ ħajja.