Kristu, il-muntanja vera tagħna
It-Tielet Riflessjoni dwar il-pitturi ta’ Michele Bellanti fil-Knisja tal-Lunzjata, l-Imdina
Agħmel, Mulej, li l-Verġni glorjuża Marija tidħol għalina quddiemek bit-talb qawwi tagħha, u tibqa’ dejjem tħarisha, biex naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna: Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Missal Ruman, Kolletta tal-Quddiesa f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu, 16 ta’ Lulju
Permezz ta’ dan l-artiklu se nibdew ir-riflessjoni proprja tagħna dwar iż-żewġ kwadri ta’ Michele Bellanti li nsibu fil-Knisja tal-Karmelitani tal-Imdina. Se nibdew bil-kwadru tal-għoti tal-Labtu lil San Xmun Stock, li nsibuh fuq l-altar laterali tax-xellug meta tidħol mill-bieb ewlieni.
Il-kwadru jirrappreżenta lill-Madonna qed iżżomm lil Ġesù Bambin f’idha x-xellugija u b’idha l-oħra qed tnewwel l-iskapular kannella lil San Xmun Stock. San Xmun twieled l-Ingilterra fis-seklu tlettax u kien patri—u għal xi żmien ukoll ġeneral—tal-Ordni tal-Aħwa tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu.
Probabbilment l-Ordni Karmelitan beda bħala komunità ta’ eremiti fis-seklu tnax fuq l-Għolja tal-Karmel, l-Art Imqaddsa, fi żmien l-Istati tal-Kruċjati. Meta l-qawwiet tal-Punent ġew megħluba mill-qawwiet Iżlamiċi, dawn l-eremiti mxew lejn l-Ewropa fejn saru ordni mendikant u sa mill-ewwel żminijiet stabbilew ruħhom partikularment fi bliet universitarji fl-Ingilterra, Franza u l-Italja. Kif josserva Ġwanni Pawli II:
Fil-mixja tagħhom “lejn l-muntanja vera tagħna: Ġesù Kristu Sidna,” il-ġenerazzjonijiet differenti tal-Karmelu, mill-bidu nett sal-lum, fittxew li jfasslu ħajjithom fuq l-eżempju ta’ Marija. Għaldaqstant, fil-Karmelu, u f’kull ruħ imqanqla bi mħabba kollha ħlewwa lejn L-Imqaddsa Verġni u Omm, warrdet il-kontemplazzjoni ta’ Dik li, sa mill-bidu, għarfet tinfetaħ għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u tobdi r-rieda tiegħu (Lq 2,19. 51). Fil-fatt, mgħallma u ffurmata mill-Ispirtu (ara Lq 2, 44-50), Marija kellha l-ħila taqra bil-fidi l-istess ġrajja tagħha (ara Lq 1, 46-55) u, doċli għat-tnebbiħ divin, “imxiet ’il quddiem fil-pellegrinaġġ tagħha ta’ fidi u żammet bil-fedeltà l-għaqda tagħha ma’ Binha sas-salib fejn, mhux mingħajr pjan ta’ Alla, hi baqgħet wieqfa (ara Ġw 19, 25), qasmet b’qawwa ma’ Binha t-tbatijiet tiegħu u ngħaqdet b’qalb ta’ omm mas-sagrifiċċju tiegħu” (Lumen Gentium, par. 58).
Ġwanni Pawlu II, Messaġġ lill-Familja Karmelitana, 25 ta’ Marzu 2001, par. 2
F’dan id-dawl, din id-devozzjoni lejn Marija taħt dan it-titlu tikkonkretizza ruħha f’din “il-ħajja Marjana intensa, espressa fit-talb ta’ fiduċja, tifħir kollu ħeġġa u imitazzjoni diliġenti … sabiex fil-qalb tikber l-għaqda u l-familjarità mal-Verġni Mqaddsa, bħala mod ġdid kif tgħix għal Alla u kif titkompla fuq l-art l-imħabba tal-Iben Ġesù lejn Ommu Marija” (Ibid., par. 4)
Minkejja l-enfasi fuq id-devozzjoni lejn il-Madonna, din it-triq Marjana hija proprju dik li twassalna sal-quċċata tal-muntanja vera, li hu Kristu nnifsu, li t-twaħħid miegħu huwa l-milja tal-ħajja tan-Nisrani. X’inhi t-triq li qed itterraq bħalissa? Kun af li m’intix miexi waħdek, u Dik li miexja miegħek, jekk tafdaha, hi x’inhi t-triq li tinsab fiha, jekk tħalliha, se taqbadlek idek biex tgħaddik mit-triq li għaddiet hi sabiex kisbet il-glorja ta’ dejjem.