L-Arti, il-Mera tar-Ruħ
L-Ewwel Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann ta’ Caravaggio
Jien naħji kull ruħ mifnija, u nxabba’ kull ruħ għajjiena.
Ġeremija 31, 25
Żgur li waħda mill-iktar pitturi famużi li għandna fil-knejjes tal-gżira tagħna hija bla dubju l-pittura tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann ta’ Michelangelo Merisi da Caravaggio meqjuma fl-Oratorju ddedikat lill-istess qaddis li hu anness mal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, dak iż-żmien il-Knisja Konventwali tal-Ordni.
Il-ħajja ta’ dan l-artist kienet pjuttost imqallba. Twieled fl-1571, huwa kellu karriera ta’ suċċess f’Ruma sakemm kellu jaħrab mill-Istati Papali fejn kienu qed ifittxuh wara li qatel lil Ranuccio Tomassoni nhar it-28 ta’ Mejju 1606. Wara perjodu ta’ suċċess f’Napli (li kienet ’il barra mill-ġurisdizzjoni legali ta’ Ruma), sab protezzjoni mill-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta f’Lulju tal-1607. Jidher li l-ħajja tiegħu daħlet f’perjodu ta’ ċerta serenità. Nhar l-14 ta’ Lulju 1608 ġie milqugħ bħala Kavallier tal-Ubbidjenza mill-Granmastru Alof de Wignacourt, minkejja l-passat imqalleb tiegħu.
Kien proprju f’dan l-istess perjodu li Caravaggio ġie kkummissjonat ipitter din l-ikbar pittura tiegħu. Il-pittura b’xi mod hija awtobijografika għax tikxef kemm il-karattru vjolenti tal-artist u kif ukoll il-biżgħat tiegħu mill-orrur tal-krimini tiegħu u milli jiġi maqbud u tmiss lilu l-istess xorti.
Iżda dan il-perjodu ta’ kalma ma tantx kien twil għax f’Awwissu tal-1608, Caravaggio sab ruħu mill-ġdid involut fi ġlieda li matulha numru ta’ Kavallieri sfaw feruti. Safa’ arrestat f’Sant’Anġlu minn fejn ħarab minn Malta qabel ma sar ħaqq minnu. Kien proprju quddiem l-imsemmija opra ta’ arti li fl-1 ta’ Diċembru tal-1608 li Caravaggio tkeċċa mill-Ordni.
George Bernard Shaw fil-ktieb Back to Methuselah jistqarr: “You use a glass mirror to see your face; you use works of art to see your soul.” Kulma l-bniedem joħloq jikxef dak li hemm mistur f’ruħu—il-ferħ u n-niket, il-kuraġġ u l-biżgħat, l-intenzjonijiet u x-xewqat, it-taqtigħa kontinwa tiegħu biex isib mod kif jegħleb il-mewt billi jibqa’ ħaj għal dejjem permezz ta’ dak li joħloq. X’jikxef dwarek dak li ‘toħloq’ permezz ta’ xogħol idejk? Kif ruħek tinkixef għarwiena bil-mod kif tgħix il-vokazzjoni tiegħek fid-dinja u fil-Knisja?