
L-għera sabiħa, żagħżugħa, u mmuskolata ta’ San Lawrenz
Is-Sitt Riflessjoni dwar il-kwadru titulari tal-Kolleġjata ta’ San Lawrenz, il-Birgu
Barra d-dija tal-għaġeb li tikkaratterizza l-qalba tax-xena, il-ġisem ta’ San Lawrenz ma jidhirx biss imdawwal sewwa imma kważi kważi leqien, donnu xi ħaġra prezzjuża, djamant maqtugħ tajjeb u rfinut sewwa, daqt jiġi għal kollox imsoffi min-nar u hekk jitħejja sabiex jifforma parti mill-kuruna tas-Sultan tas-sema u l-art. L-għera tiegħu, żagħżugħa, immuskolata, b’riġlejn li jidhru li terrqu fit-tul u dirgħajn li ma hedewx jaqdu sakemm setgħu, sew fil-mejda Ewkaristika u sew fil-mejda tal-foqra, juruna ġisem ta’ raġel magħmul, fl-aqwa tiegħu, fl-aħjar ta’ żmienu (ara Ef 4, 13). Għadha mhijiex id-dija fiddiena tal-ġisem mejjet ta’ Kristu li nsibu f’diversi pitturi ta’ Mattia Preti li jirrappreżentaw id-depożizzjoni ta’ Kristu.
Minkejja dan, Preti xorta għaraf juri lil San Lawrenz bħala xbieha ta’ Kristu. San Lawrenz hu xbieha ta’ Kristu proprju għax maħluq fuq din ix-xbieha perfetta ta’ kif għandu jkun tassew bniedem—safi, innoċenti, ħieles, bħal Ġesù, bħalma aħna lkoll niġu maħluqa u magħmulin ulied adottivi u aħwa ta’ Kristu fil-magħmudija.
U f’din l-għera tiegħu, mgħotti biss b’biċċa ċarruta bajda, Preti jurina kif tassew San Lawrenz ixxierek għal kollox ma’ Kristu msallab li “ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir” (Fil 2, 6-7, mil-Liturġija tas-Sigħat). F’din ix-xena, anke viżwalment jidher it-twaħħid sħiħ tal-Levita Lorenzu ma’ Kristu msallab meta jiġi mneżża’ biex jissallab umiljat mas-salib tiegħu li kien f’għamla ta’ gradilja. Dan id-dettall jispikka iktar fil-pittura ta’ Preti li nsibu fil-Kappella tal-lingwa ta’ Aragona fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, proprju għax ’l isfel mill-gradilja nsibu l-ilbies liturġiku ta’ djaknu li San Lawrenz ġie mneżża’ minnu biex jingħata l-martirju.
L-għera safja ta’ Kristu u tal-qaddisin li tant saru jixbhuh tfakkarna fl-għera ewliena tal-bniedem: “it-tnejn kienu għerja, ir-raġel u martu, u ma kinux jistħu minn xulxin” insibu fit-tieni rakkont tal-Ħolqien fil-Ktieb tal-Ġenesi (Ġen 2, 25). U xi tfisser din l-għera għajr li l-bniedem seta’ jidher kif inhu, fraġli u mneżża’, mingħajr biża’ ta’ xejn. Huwa wara li l-bniedem għażel li jipprova jkun bħal Alla mingħajr Alla li l-għera ssir ostaklu: li l-bniedem jesperjenza l-mistħija; li jitgħatta bil-weraq, l-ewwel ħaġa li jsib, u Alla jitħassru u jagħtih ħwejjeġ tal-ġild (Ġen 3, 21); li anke tnawret il-ħila tiegħu li jirrelata u spiċċa jneżża’ lill-ieħor mid-dinjità tiegħu sabiex jimmanipula, jisforza, jivvjolenta, ibiċċer.
Imma San Lawrenz, mhux talli ma jinħebiex minn Alla kif għamel il-bniedem fil-Ġnien, talli bħal Kristu jiftaħ idejh biex jieħu għal kollox il-forma ta’ Kristu li ħalla lis-suldati jneżżgħuh u jsallbuh fuq is-salib sabiex aħna nkunu nistgħu nerġgħu niksbu dik l-innoċenza ewlenija anke f’ġisimna bil-ħasil tal-Magħmudija u nitlibbsu l-libsa l-bajda tas-safa tal-ulied adottivi ta’ Alla; nitlibbsu tajjeb għall-festa tat-tieġ ta’ dejjem tal-umanità ma’ Alla, bħal fil-parabbola tas-Sultan li għamel festa tat-tieġ ta’ ibnu.
Libsa ġdida, dinjità mogħtija mill-ġdid, bħalma l-missier tal-parabbola tal-iben il-ħali jlibbes lil ibnu meta jerġa’ lura għandu wara li ħaraqlu ġidu f’ħajja mtajra. Fil-ħarsa ta’ Alla fuqna tinsab iċ-ċavetta għax, minkejja li ħarstu tneżża’ kull maskra u kull star li bih ngħattu l-għera u l-għawar tagħna, il-ħarsa tiegħu hija ħarsa ħallieqa, ħarsa kollha mħabba li trodd id-dinjità.