L-Ikel tal-Vjaġġ
L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Pittura ta’ Elija u l-Anġlu ta’ Francesco Zahra
Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,
Sekwenza tas-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù
Ġesù tagħna, ħenn għalina;
int itmagħna u ħarisna:
inti lilna l-ġid urina
fl-art imbierka tal-ħajjin.
Fl-1766 Francesco Zahra lesta ċiklu ta’ sitt kwadri mdaqqsin għall-Oratorju tas-Santissimu Sagrament biswit il-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun. Dawn il-pitturi jirrapreżentaw episodji mit-Testment il-Qadim li bħal donnhom iħejju għas-sagrament tal-Ewkaristija kif imwaqqaf minn Kristu sekli wara. Fost dawn il-kwadri nsibu wieħed ta’ Elija u l-Anġlu, li jirrakkonta ġrajja li nsibu fl-Ewwel Ktieb tas-Slaten 19, 1-8.
Elija kien għadu kif ġab fi tmiem sentejn ta’ nixfa billi qered il-kult tal-profeti foloz ta’ Baal. Minn profeta setgħan u qawwi, f’daqqa waħda jispiċċa bniedem mfittex biex jinqatel taħt l-ordni tar-reġina kiefra u idolatra Ġeżabel. Kienet roller-coaster kiefra għal Elija. Mill-glorja tar-rebħa fuq l-idolatrija jsib ruħu jmiss il-qiegħ u maħrub. Jingħalaq fih innifsu u saħansitra jitlob lil Alla jieħdu, tant li jintasab taħt siġra tal-ġummar bit-tama li ħajtu tintemm. Imma l-Mulej kellu pjanijiet oħra. Anġlu jidhirlu darbtejn biex jagħtih kuraġġ jistejqer bil-ftira moħmija u ġarra ilma. Kellu vjaġġ twil quddiemu ta’ erbgħin jum u erbgħin lejl li kellu jwassal lil Elija fuq il-muntanja tar-rivelazzjoni. Dik il-ftira moħmija kellha ssostnih għall-vjaġġ twil ta’ iktar minn xahar sa ma jiltaqa’ mal-Mulej personalment.
Fis-Sekwenza tas-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, il-Knisja tistqarr hekk:
Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel
għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,
ikel bnin għall-ulied kollha,
li m’għandux fix-xejn jintrema.
Fit-triq tal-ħajja tagħna, il-Mulej iterraq magħna permezz tal-Ħobż Ewkaristiku li jsaħħaħ u jsostni fit-triq iebsa u mħarbta tal-ħajja. Permezz tiegħu l-Mulej jgħidilna: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx” (Ġw 6, 35). Bħal Elija, aħna mistednin nagħmlu att ta’ fiduċja fil-qawwa ta’ dan l-ikel tal-vjaġġ.