L-ilma li jnixxi mill-Qalb minfuda
Is-Seba’ Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, Paola
Hu, meta ntrefa’ fuq is-salib,
bi mħabba tal-għaġeb ta lilu nnifsu għalina;
minn ġenbu minfud xerred demm u ilma
u ħarġu s-sagramenti tal-Knisja,
biex il-bnedmin kollha jinġibdu
lejn il-Qalb miftuħa tas-Salvatur,
u, kollhom ferħana,
jimlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni.
Prefazjoni tas-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù
Se nagħlqu din is-sensiela ta’ riflessjonijiet pjuttost twila dwar il-kwadru titulari tal-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, Raħal Ġdid, li jirrappreżenta l-Qalb ta’ Ġesù. Fl-aħħar riflessjoni tajna titwila lejn il-figuri li nsibu fil-parti ta’ isfel tal-pittura. Però f’din il-parti tal-pittura nsibu wkoll dettall ieħor tassew sinifikanti: bejn it-tifla liebsa għall-Ewwel Tqarbina u r-raġel fqajjar hemm spazju li, għalkemm ma jidhirx daqshekk ċar minħabba l-ħtieġa ta’ restawr li għandu bżonn dan il-kwadru, fih tidher għaddejja nixxiegħa li tibda eżatt minn taħt il-pedata ta’ isfel tat-tron ta’ Ġesù u tinżel mal-blata, u tibqa’ għaddejja bħal donnha tnixxi ’l barra għal fuq l-altar maġġur.
Dan il-motiv tan-nixxiegħa nsibuh kemm fil-Ktieb tal-Profeta Eżekjel u kif ukoll fl-Apokalissi. Eżekjel jara dehra tax-xmara nieżla minn taħt l-għatba tat-tempju (Eżek 47, 1-2). Fl-Apokalissi, wieħed mill-erbgħa u għoxrin Xiħ madwar it-tron jgħid lil Ġwanni li dawk li ġew mit-taħbit il-kbir
“Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, u anqas ebda għomma, ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja. U Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.”
Apokalissi 7, 16-17
Imma biex naslu għat-tifsira kompluta ta’ din in-nixxiegħa tal-ilma, tajjeb inżommu f’moħħna żewġ mumenti oħra li nsibu fl-Evanġelju skont San Ġwann. F’kapitlu sebgħa, fl-aħħar jum tal-festa tal-Għerejjex, Ġesù b’leħen għoli qal: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7, 37-39), u l-Evanġelista jispeċifika li kien qed jirreferi għall-Ispirtu s-Santu li kellhom jirċievu wara li jiġi gglorifikat. U, meta jiġi gglorifikat fuq is-salib, suldat nifed lil Ġesù b’lanza u “minnufih ħareġ demm u ilma” (Ġw 19, 34), li sa mill-ewwel sekli ġew meqjusa bħala xbieha tal-Magħmudija u tal-Ewkaristija.
Kif jidher iktar ’il fuq, fil-Prefazjoni tas-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, il-liturġija torbot dawn l-aspetti kollha imma tagħlaq b’deskrizzjoni tal-umanità miġbuda lejn din il-Qalb sabiex tixrob minn dawn l-għejun tas-salvazzjoni. Għalkemm il-kliem hu mpoġġi bħala stat ta’ fatt, fil-verità hemm għażla li wieħed irid jagħmel dwar jekk hux se jersaq biex jixrob jew le. U allura din l-aħħar riflessjoni tagħlaq bi stedina biex inħallu l-ferħ tal-Mulej imissna u jxennaqna biex nimtlew bl-ilma li jnixxi mill-għajn tas-salvazzjoni: il-Qalb minfuda tiegħu!