Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-kwadru tal-Martirju ta’ Santa Barbara, Knisja tal-Kapuċċini, il-Kalkara
Ofroq, Mulej, is-smewwiet tiegħek, u inżel;
miss l-għoljiet, u huma jdaħħnu.
Agħmel il-beraq u xerridhom;
faqqa’ s-sajjetti u ħarrabhom.
Salm 144, 5-6
“Santa Barbara, la deni u lanqas ħsara!” Hekk kienu jgħidu missirijietna fil-maltemp malli jfaqqgħu s-sajjetti. Din it-talba devozzjonali hija marbuta ma’ element ieħor mil-leġġenda ta’ Santa Barbara—element li għalkemm ma nsibuhx f’din il-pittura imma nsibuh fid-devozzjoni popolari anke tagħna l-Maltin.
Jingħad li huwa u sejjer lura mill-post fejn qatel lil bintu Barbara, Djoskoru ntlaqat minn sajjetta li ħarqitu għal kollox. Forsi element li jissorprendina fil-kuntest Nisrani mmarkat bil-kmand tal-maħfra tal-għedewwa. Lil hinn minn dan id-dibattitu, f’kull sajjetta hemm qawwa elettrika enormi li dejjem werwret lill-bniedem u għadha twerwer għax la tista tiġi mrażżna u lanqas maħżuna. Imma l-fidi ta’ missirijietna tfakkar lilna wkoll fi żminijietna li hemm ħafna ċirkostanzi li fihom ma nistgħu nagħmlu xejn ħlief li nirrikorru għall-ħarsien tas-sema stess.
Id-devozzjoni tiegħi hija waħda ta’ ħaqq—li titlob vendetta mill-għedewwa—jew hija fiduċja fis-sema li qatt ma jisfa’ magħluq għal min jirrikorri lejh bil-ħniena?