Marija l-kewkba fin-nir tas-sema u fuq l-ikħal tal-baħar
L-Ewwel Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija, Burmarrad
Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.
Luqa 2, 19
Hekk kif matul il-ġimgħat li ġejjin se nkomplu niċċelebraw iktar festi Marjani, se nagħtu ħarsa lejn il-kwadru titulari tal-Qalb bla tebgħa ta’ Marija permezz tal-kwadru titulari li jsebbaħ il-knisja parrokkjali ta’ Burmarrad. Pittura li fiha numru ta’ personaġġi, kuluri ħajjin, u espressjonijiet immortalizzati għal dejjem mill-pinzellati tal-artist ċelebri Emvin Cremona li jiffirmah u jissiġillah bis-sena 1961.
Il-kwadru hu ddominat mit-trankwillità tal-kulur ikħal li mill-ewwel inissel fina serenità u jikkalma ’l qalbna mgħaġġla tipprova tlaħħaq mal-ġenn tal-ħajja. L-ikħal tan-naħa ta’ isfel huwa l-ikħal tal-baħar li f’sekli iktar bikrija kien jasal iktar qrib ta’ dan ir-raħal. U xorta waħda għadu ferm qrib, imma mhux iżjed marradi (kif jimplika l-isem stess ta’ dan ir-raħal ċkejken) bħalma mhuwiex marradi l-ilma li jnixxi mill-Qalb minfuda tas-Salvatur li tagħha Marija hija għajn għax kienet minn tal-ewwel li emmnet fih u allura minn tal-ewwel ukoll li minnha ħarġu jgelglu għejun ta’ ilma ħaj, kif wiegħed Kristu nnifsu fit-Tempju ta’ Ġerusalemm: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7, 37-38).
Però l-ikħal ta’ isfel mhuwiex biss l-ikħal tal-baħar. Fih naraw minqux, għalkemm imċajpar, il-pajsaġġ ta’ dawk l-inħawi li laqgħu lil San Pawl u l-fidi li ġabilna. Huwa wkoll l-ikħal tal-globu tad-dinja, kif tarah il-qalb ħanina ta’ Alla u tħarsu l-qalb ta’ Ommu. Qajla qajl dan l-ikħal jibqa’ tiela’ sakemm, fin-naħa ta’ fuq, il-kħula ċċedi posta għan-nir li jibqa’ jiskura u jintiseġ b’faxex lewn il-larinġ donnhom is-sħab fi nżul ix-xemx li fih tiddi Marija, il-Kewkba ta’ Filgħaxija li tishar magħna sew fil-jiem imdawla u sew fl-iljieli mudlama.
Sa mill-bidu tal-ħolqien, ir-ritmu tal-lejl u n-nhar żeffen lid-dinja tagħna u għadu jżeffen il-ħajja tagħna, li bħal donnha qabdet ritmu iktar mgħaġġel, jew b’noti iqsar u iktar spissi li jħalluna bla nifs. Madanakollu, Kristu, ix-Xemx tal-ġustizzja, jibqa’ dejjem jiddi. U, jekk mat-tbennina tal-baħar ikħal, nintelqu fit-tbennina ħelwa ta’ Ommu, tassew inkunu nistgħu nġarrbu dak li San Pawl jikteb lit-Tessalonikin:
Alla ma għażilniex għall-għadab, imma biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.
1 Tessalonikin 5, 10