Is-Seba’ Riflessjoni – Kappella tas-Sagrament tal-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla
O Ġesù hekk twajjeb, Pelikan qaddis,
Saffi Int lil Qalbi b’demmek il-għażiż;
Li b’qatra biss minnu, O Ġesù maħbub,
Tista’ d-dinja kollha tnaddaf minn kull dnub.
San Tumas ta’ Aquino, Jien Nadurak bil-Qima
Fir-raba’ pendent, Carmelo Spiteri pitter anġlu li qiegħed jipponta lejn pellikan bi tliet flieles madwarha. Skont tradizzjoni antika, fi żminijiet ta’ skarsezza l-pellikan omm tqatta’ sidirha u tisqi l-frieħ tagħha b’demmha sabiex iżżommhom ħajjin. Il-Missirijiet tal-Knisja jużaw din il-leġġenda bħala xbieha għal Kristu li jagħti ħajtu sabiex isalvana. Mhux ta’ b’xejn li dan hu wieħed mis-simboli Ewkaristiċi l-iktar antiki. Anke San Tumas ta’ Aquino jirreferi għal Kristu bħala Pellikan qaddis (Pie pellicane) f’wieħed mill-innijiet Ewkaristiċi li kiteb għall-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fuq talba tal-Papa Urbanu IV.
Meta nieħdu sehem fl-Ewkaristija, aħna wkoll nirċievu l-mandat li bħal Kristu ningħataw għall-oħrajn fil-qadi u l-imħabba bla kundizzjonijiet. Kemm qiegħed ngħixha din id-dimensjoni tal-Ewkaristija?