Qam qisu nar Elija
Il-Ħames Riflessjoni dwar il-pitturi ta’ Michele Bellanti fil-Knisja tal-Lunzjata, l-Imdina
Imbagħad qam qisu nar Elija, il-profeta,
u kelmtu kienet taqbad bħal ħuġġieġa.
Hu ġieb fuqhom il-ġuħ,
u fil-ħeġġa tiegħu ċekkinhom fl-għadd.
B’kelmet il-Mulej għalaq is-smewwiet,
u tliet darbiet niżżel ukoll in-nar.
Kemm kont imsebbaħ, Elija, f’għeġubijietek!
U min jista’ jiftaħar daqsek?
Kont meħud f’riefnu tan-nar
f’karru bi żwiemel tan-nar.
Int, li kien miktub għalik, li kellek iċċanfar għal żmien,
biex tberred għadab Alla qabel ma jħeġġeġ,
biex iddawwar qalb il-missier lejn ibnu,
u biex terġa’ tqajjem tribujiet Ġakobb.
Imberkin dawk li jarawk
u dawk li raqdu fl-imħabba
Bin Sirak 48, 1-4.9-11
Mix-xena pjuttost trankwilla tal-għoti tal-labtu mill-Madonna lil San Xmun Stock ngħaddu għax-xena pjuttost movimentata li fiha l-istess artist jirrappreżenta lil Elija jittella’ s-sema fir-riefnu. L-Ordni Karmelitan huwa wieħed mill-ftit ordnijiet, jekk mhux l-uniku, li jsib l-għeruq tiegħu mhux f’xi fundatur kariżmatiku imma fi profeta tat-Testment il-Qadim: Elija, li hu meqjus bħala l-missier spiritwali tal-ordni.
It-tradizzjoni turina li fuq l-Għolja tal-Karmel kien hemm sensiela ta’ eremiti Lhud u mbagħad Insara li kienu jgħixu fl-għerien ta’ din l-għolja f’ħajja ta’ talb u studju, f’post tant marbut mal-ġrajja tal-Profeta Elija li nsibu fl-Ewwel Ktieb tas-Slaten. Jidher li fil-bidu tas-seklu tlettax dawn l-irhieb talbu li jingħataw regola u bnew ukoll kappella dddedikata lil Marija, Kewkba tal-Baħar. Kienet din il-knisja li ssiġillat ir-rabta tal-Ordni ma’ Marija.
Id-drammatiċità tal-opra ta’ Bellanti tinkwadra dak li nsibu fit-tieni kapitlu tat-Tieni Ktieb tas-Slaten, li jagħlaq iċ-ċiklu narrattiv ta’ Elija sabiex jiftaħ dak ta’ Eliżew, mhux iktar bħala qaddej tal-profeta imma bħala profeta hu stess. Hawnhekk Bellanti mhuwiex għal kollox fidil għar-rakkont bibliku li jitkellem dwar “karru tan-nar bi żwiemel tan-nar” (2 Slat 2, 11). Minflok Bellanti jpitter karru tad-deheb miġbud minn erba’ żwiemel bojod li bħal donnu hu merfugħ ’il fuq minn sħaba—li probabbilment tirrappreżenta r-riefnu li miegħu tela’ Elija.
X’sar minn Elija mhuwiex speċifikat. Mattatija l-Makkabi, fl-aħħar diskors tiegħu lil uliedu, jgħid li “Elija, minħabba l-ħeġġa tiegħu għal-Liġi, kien meħud fis-sema” (1 Mak 2, 58). Imma żgur li maż-żmien Elija sar figura ċentrali fl-iżvilupp tal-ħsieb messjaniku, hekk li l-profezija ta’ Malakija—“Ara, jiena nibagħtilkom ’l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej u Jum il-biża’” (Mal 3, 23)—wasslet għall-idea li l-miġja tal-Messija se tiġi antiċipata mir-ritorn ta’ Elija. Dan il-ħsieb jaddottah ukoll Ġesù li jara ’l Elija fi Ġwanni l-Battista (ara Mt 17, 10-13).
Għalkemm Bellanti bħal donnu jinjora l-qawwa profetika ta’ Elija mfissra bin-nar, żgur li jagħmel tajjeb għal dan permezz tad-dija ta’ dak il-karru, bħal donnha d-dija u l-bjuda tat-Trasfigurazzjoni. B’mod personali, barra l-qawwa profetika u t-trasparenza li jeħtieġ li jikkaratterizzaw ħajja Nisranija awtentika, jalla l-ħarsa ta’ Elija fissa ’l fuq u l-ispirtu tiegħu bħal nar iħeġġeġ ikebbsu lilna wkoll sabiex inħallu lill-Mulej jibdilna minn glorja għal glorja sakemm naslu għandu (ara 2 Kor 3, 18).