San Ġakbu: l-Appostlu tal-Pellegrinaġġ

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-kwadru ta’ San Ġakbu Appostlu fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Imbagħad wieħed mis-seba’ anġli, dawk tas-seba’ bwieqi bl-aħħar seba’ kastigi, ġie jkellimni u qalli: “Ejja nurik l-Għarusa, mart il-Ħaruf.” 10U ħadni fl-ispirtu fuq muntanja kbira u għolja, u wrieni l-Belt il-Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla. Ebda tempju ma rajt fiha, għax il-Mulej hu t-tempju tagħha, Alla li jista’ kollox, u l-Ħaruf. U l-Belt ma teħtieġ la xemx u lanqas qamar biex idawluha, għax biex iddawwalha għandha l-glorja ta’ Alla, u l-musbieħ tagħha l-Ħaruf.

Apokalissi 21, 9-10. 22-23

Wara li ħallejna lit-tliet maġi pellegrini tat-tama jdawlu l-ewwel passi tagħna f’din is-Sena Mqaddsa li l-Papa fetaħ fil-lejl qaddis tal-Milied, jixraq li nduru lejn kwadru li jirrappreżenta l-figura pellegrina per eċċellenza: San Ġakbu, ħu Ġwann l-Evanġelista, magħruf bħala l-Kbir f’distinzjoni mal-appostlu l-ieħor bl-istess isem. Dan se naħmluh billi nitfgħu ħarsitna fuq il-kwadru, xogħol Mattia Preti, li nsibu fuq wieħed mill-altari laterali tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

Ir-rabta ta’ dan l-Appostlu mal-pellegrinaġġ hija waħda ferm antika u kumplessa. It-tradizzjoni tirrakkuntalna kif San Ġakbu mar jevanġelizza fi Spanja qabel ma kien l-ewwel wieħed fost it-Tnax li ta xhieda għal Kristu permezz tal-martirju taħt idejn Erodi (ara Atti 12, 1-2). Hemm ukoll tradizzjonijiet differenti ta’ kif il-ġisem tiegħu wara mewtu ttieħed mis-segwaċi tiegħu li salpaw lejn Spanja. Hemm verżjonijiet differenti ta’ kif żvolġiet il-biċċa, però żgur li din id-destinazzjoni mill-iktar importanti sa miż-Żminijiet tan-Nofs waslet għal ħolqien ta’ rotot differenti magħrufin bħala Camino de Santiago li kollha jwasslu għall-Katidral ta’ Compostela fejn hemm meqjuma l-fdalijiet ta’ dan l-Appostlu. Din ir-rabta tal-Appostlu mal-pellegrinaġġ ħalliet marka saħansitra fuq l-ikonografija tiegħu.

Mattia Preti fil-fatt jinqeda b’dawn is-simboli tipiċi tal-pellegrin fir-rappreżentazzjoni tiegħu ta’ San Ġakbu f’dan il-kwadru u f’numru ta’ xogħlijiet oħra b’dan il-qaddis bħala suġġett. Preti jpitter lil San Ġakbu bl-ilwien tipikament assoċjati miegħu fl-era barokka, jiġifieri l-aħdar u l-isfar—ilwien li jesprimu b’mod grafiku li kien ħu San Ġwann, hu wkoll ta’ spiss jiġi muri liebes bl-aħdar u bl-aħmar. Imma, fuq din il-libsa, lil San Ġakbu narawh liebes ukoll il-kappa tal-pellegrin, flimkien mal-ħatar, l-arzella, u l-kappell imdendel fuq dahru b’qafla li ddur ma’ għonqu.

Pellegrin sew f’ħajtu u sew f’mewtu bi vjaġġ li mil-Lvant Nofsani jaqsam sat-tarf tal-Punent tad-dinja magħrufa, dan il-qaddis jista’ jkun kumpann tagħna bħala pellegrini tat-tama. Bit-tħabrik tagħna fuq l-art sabiex minn kull fejn ngħaddu minn wiċċna jiddi Kristu, id-dawl tat-tama tagħna, fl-istess waqt nafu li t-tmiem huwa s-santwarju, Ġerusalemm tas-sema, fejn sew bħala individwi u sew bħala Knisja u umanità nsibu l-milja tagħna … bħal San Ġakbu: nimxu b’saqajna mal-art imma bil-ħarsa lejn id-dawl tas-sema …