San Ġakbu li b’ħarstu ’l fuq jinterċedi

It-Tielet Riflessjoni dwar il-kwadru ta’ San Ġakbu Appostlu fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann

U ġie anġlu ieħor, b’ċensier tad-deheb, u qagħad ħdejn artal; u tawh ħafna inċens biex joffrih mat-talb tal-qaddisin kollha fuq l-artal tad-deheb ta’ quddiem it-tron. U d-duħħan tal-inċens tela’ mat-talb tal-qaddisin minn id l-anġlu quddiem Alla.

Apokalissi 8, 3-4

Minkejja li Preti jpoġġi lill-Appostlu patrun ta’ Spanja fiċ-ċentru tal-opra tiegħu, xorta waħda jurina lill-qaddis li, bħala tassew appostlu u martri ta’ Kristu, jibqa’ fin-nofs biss bħala interċessur. Fil-fatt, waqt li jiffissa ħarstu ’l fuq, b’idu l-leminija Ġakbu qed jipponta lejn żewġ anġli li f’idejhom qegħdin iżommu s-simboli tal-lingwa li tagħhom hu patrun u protettur, jiġifieri Kastilja, Leon, u l-Portugal. Il-kastell huwa referenza mill-iktar ovvja għal Kastilja. Fuq il-kastell hemm l-arma b’għamla ta’ ħames tarek b’ħames ċrieki ċkejkna fuq kull waħda mpoġġija f’forma ta’ salib, arma li sal-lum il-ġurnata għadha tifforma parti mill-bandiera tal-Portugal. L-iljun miżmum mill-anġlu ċ-ċkejken huwa referenza ċara għal Leon.

Dan is-simboliżmu jfakkarna f’mistoqsija li forsi tqum fina stess xi kultant: imma għalfejn għandna bżonn il-medjaturi u l-interċessjoni tal-qaddisin meta nistgħu nitolbu u nitkellmu direttament ma’ Alla fi Kristu Ġesù u permezz tiegħu? Lill-qaddisin nistgħu nqisuhom bħala ħutna l-kbar li mxew l-istess mixja tagħna u għalhekk, permezz tagħhom, “il-Mulej jagħti lilna lkoll it-tama li nsiru qaddisin,” kif ifisser Papa Franġisku. U jkompli: “mingħajr dawn l-irġiel u nisa, id-dinja tibqa’ bla tama” (Udjenza Ġenerali, 21 ta’ Ġunju 2017). Għalhekk, nirrikorru lejhom bit-talb tagħna bħalma fuq l-art nitolbu lil nies ta’ fiduċja biex jitolbu għalina u aħna nitolbu għal oħrajn. Din hija l-komunjoni tal-qaddisin li nistqarru fil-Kredu. Kif insibu mfisser tajjeb f’Lumen Gentium:

kif l-għaqda nisranija fost dawk li huma pellegrini fuq l-art twassalna iżjed qrib lejn Kristu, hekk ukoll il-komunjoni mal-qaddisin tgħaqqadna ma’ Kristu li minnu, bħal minn għajn u minn ras, tiġi kull grazzja u l-ħajja tal-poplu ta’ Alla nnifsu. Huwa għalhekk xieraq ħafna illi aħna nħobbu lil dawn il-ħbieb u werrieta ta’ Kristu, ħbiebna u benefatturi kbar tagħna, li nagħtu l-ħajr li jmiss ’l Alla għalihom, li “bil-qalb insejħulhom u nitolbu l-interċessjoni, il-qawwa u l-għajnuna tagħhom biex jaqilgħulna mingħand Alla permezz ta’ Ġesù Kristu, Mulej tagħna, li hu l-uniku Feddej u Salvatur tagħna, il-grazzji li nkunu neħtieġu.”

Lumen Gentium, par. 50

Min huma l-qaddisin patruni tiegħek? Id-devozzjoni tiegħek lejhom kif tinkwadra fl-adorazzjoni ta’ Alla waħdu u fil-medjazzjoni unika ta’ Kristu? Tħares lejhom bħala ‘ħutek il-kbar’ hekk li tikkomunika magħhom fl-istess kuntest tal-familja waħda ta’ Alla? Ma tagħmilx ħażin jekk tiskoprihom bħala sħabek fil-pellegrinaġġ tal-ħajja tiegħek.