
San Ġakbu: Xbieha tal-Knisja Pellegrina
It-Tieni Riflessjoni dwar il-kwadru ta’ San Ġakbu Appostlu fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann
Imma int, bniedem ta’ Alla … fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Inwissik biex tħares l-istruzzjonijiet li rċevejt u żżomm ruħek bla tebgħa u bla ħtija sa jum id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad juriha f’waqtha.
1 Timotju 6, 11. 14-16
Dak li hu l-hieni u waħdu setgħani,
is-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien,
li hu biss ma jmut qatt
u jgħammar f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh,
hu li ebda bniedem qatt ma rah u anqas qatt jista’ jarah.
Lilu ġieħ u setgħa għal dejjem! Ammen.
F’din ir-rappreżentazzjoni ta’ San Ġakbu, Mattia Preti juża tifsila simili għal dik tal-kwadru ta’ San Ġorġ li nsibu fil-Kappella ta’ Aragona, Katalunja u Navarra: l-Appostlu hu mpoġġi fiċ-ċentru tal-kwadru u jiddomina x-xena, u hu msieħeb minn għadd ta’ anġli, fosthom wieħed li qed iżomm kuruna maqtugħa ’l fuq minn ras il-qaddis li, minkejja li m’għandux raġġiera, qiegħed fid-dawl tas-sema u persuntu sħiħa tiddi b’dan id-dawl. U Preti jkompli jenfasizza ċ-ċentralità tal-figura ta’ Ġakbu billi jpoġġih f’kuntrast mal-bqija tax-xena li hi xi ftit iktar mudlama biex hekk l-attenzjoni tibqa’ fuqu.
Madankollu, filwaqt li donnha tromba ta’ sħab tostor u timmira s-sebħ tas-sema fuq il-qaddis, li minnu għandu sehem, xorta waħda fl-isfond—għalkemm mhux b’mod definit—nilmħu xenarju naturali tad-dinja, u l-qaddis innifsu jinsab b’riġlejh fuq l-art fuq dan l-istess pjan. Donnu fih innifsu San Ġakbu jippersonifika l-pellegrinaġġ sħiħ tal-bniedem li, maħluq minn Alla, jibda l-mixja tiegħu fuq l-art sakemm jasal fil-patrija tiegħu fis-sema—fi ħdan il-Missier (Pater)—u fil-frattemp jgħaddi kontinwament mid-dlam għad-dawl sakemm jasal fi ħdan dan id-dawl li bil-ħila tiegħu biss ħadd ma jista’ jersaq lejh (ara 1 Tim 6, 16). Nistgħu ngħidu li San Ġakbu hawn jippersonifika l-Knisja bħala pellegrina fuq l-art:
Waqt li l-Knisja fuq din l-art qed tagħmel il-pellegrinaġġ bogħod mill-Mulej (ara 2 Kor 5, 6), hi tqis ruħha bħala tturufnata u tfittex u tixtieq il-ħwejjeġ tas-sema fejn Kristu qiegħed fil-lemin ta’ Alla, fejn il-ħajja tal-Knisja hija moħbija ma’ Kristu f’Alla, sakemm mal-għarus tagħha hija terġa’ tidher fil-glorja (ara Kol 3,1-4).
Konċilju Vatikan II, Lumen Gentium, par. 6
Fil-kreattività artistika tiegħu, Preti juri f’San Ġakbu ż-żewġ dimensjonijiet f’daqqa, fejn xi wħud mid-dixxipli tal-Mulej “għadhom pellegrini fuq l-art” filwaqt li oħrajn “diġà ħallew din il-ħajja jew qegħdin jissaffew jew diġà qegħdin fis-sebħ” (Lumen Gentium, par. 49). Għalhekk, taqtax qalbek jekk għadek titħabat mad-dlamijiet waqt li diġà tilmaħ u tgħożż b’teżor ta’ tama xi ftit mid-dija tas-sema. Ifisser li m’intix staġnat imma tinsab miexi … ifisser li inti tassew pellegrin tat-tama!