
San Lawrenz il-martri u Erkole l-eroj
Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-kwadru titulari tal-Kolleġjata ta’ San Lawrenz, il-Birgu
Il-moviment tal-pittura jseħħ primarjament fin-naħa ta’ isfel tat-tila, fejn bħal donnu ninnutaw nofs ċirku jew ark bil-kontra li l-ogħla trufijiet tiegħu huma Kornelju, il-Prefett ta’ Ruma, u l-idolu mdieheb fuq pedestall massiv. Anke ħdejn San Lawrenz nilmħu raġel anzjan, probabbilment qassis pagan, qiegħed jipponta sebgħu lejn dan l-idolu tal-għib u jipprova jagħmel l-aħħar tentattiv sabiex jipperswadi lid-Djaknu Lorenzu jibdel fehmtu u ma jaħraqx żgħożitu għal xejn. Imma Lawrenz kien determinat u l-Ammen tiegħu baqa’ sal-aħħar itenniha għal Kristu.
L-idolu fil-għoli jirrappreżenta lil Erkole li proprjament ma kienx alla. Għalkemm kien iben Ġove, l-alla tas-sema u s-sultan tal-allat (l-ekwivalenti ta’ Żeus fil-mitoloġija Griega), ommu, Alkmena, kienet bniedma komuni, hekk li xorta waħda Erkole kien mortali—kellu jmut—imma mal-mewt tiegħu ssieħeb mal-allat tal-Olimpu. Erkolu huwa iktar magħruf bħala eroj, kemm fil-mitoloġija Griega u kif ukoll f’dik Rumana, difensur tad-dgħajfa u protettur kbir, tant li fir-rappreżentazzjonijiet artistiċi tiegħu ta’ spiss narawh b’lembuba kbira u bil-ponot f’idu—kif jidher hawn—li permezz tagħha kien qatel lill-ġgant Kaku, li bin-nar li kien jarmi minn fommu kien qed iwerwer lin-nies tal-kampanja Rumana qabel ma twaqqfet il-belt.
Lil hinn mill-immoralitajiet tal-ħajja tiegħu, li għall-kultura Griega-Rumana kienu n-norma, u minkejja din l-attenzjoni tiegħu għal dawk fil-bżonn, Erkole l-eroj jikkuntrasta bil-kbir mal-martri San Lawrenz. L-eroj hu ammirat għall-kuraġġ tiegħu, għal xi opra tal-għaġeb li wettaq, jew għall-kwalitajiet nobbli tiegħu. Fil-ġrajja tiegħu, l-eroj innifsu hu fiċ-ċentru. Il-quċċata ta’ ħajtu hija l-missjoni jew il-bravura li wettaq, u l-bqija ta’ ħajtu tgħaddi bil-kwiet sakemm tintefa’ x-xemgħa u jaqa’ d-dlam.
Għall-kuntrarju, il-martri huwa xhud—l-istess kelma μαρτυρία (marturia) bil-Grieg tfisser xhieda. Dan mill-ewwel jurina li mhuwiex hu ċ-ċentru imma ċ-ċentru hu xi ħadd ieħor. Din xi ftit bħal meta ngħidu li bħala Nsara għandna nagħtu eżempju tajjeb hekk li nibqgħu aħna fiċ-ċentru, bħall-eroj eżemplari. Mentri aħna mhux eżempju tajjeb irridu nagħtu imma xhieda: xhud għax iċ-ċentru mhuwiex jien imma hu Alla. In-Nisrani huwa dejjem martri, xhud, inkella mhuwa Nisrani xejn. Martri, anke jekk mingħajr tixrid ta’ demm imma dejjem lest li jmut ta’ kuljum għalih innifsu għax qalbu mixgħula bl-imħabba ta’ Alla u bl-imħabba għall-proxxmu. Il-quċċata għall-martri, għax-xhud Nisrani, mhijiex il-kisbiet u l-opri li jagħmel. Il-quċċata hi l-għaqda ma’ Alla għax, kif jgħid San Irinew ta’ Lyon:
Din hi r-raġuni għaliex il-Verb sar bniedem u Bin Alla sar Bin il-bniedem: biex il-bniedem isir Bin Alla billi jixxierek mal-Verb u hekk jikseb il-filjazzjoni divina.
San Irinew, Adversus haereses, 3.19.1 (PG 7, 939)
Il-ħajja tal-martri-xhud qatt ma tkun fil-kwiet sakemm jifdal il-ħażen u sakemm jifdal aħwa li jridu jiġu moqdija u erwieħ li jridu jiġu salvati. Bħalma “belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba” (Mt 5, 14), hekk ukoll ma jistax ikun hemm Insara moħbija jew anonimi. L-għixien tal-fidi Nisranija ma jistax jiġi rrelegat għall-ħajja privata għax, bħal San Lawrenz, aħna kullimkien irridu nkunu martri. Bħal San Lawrenza, il-ħin kollu rridu nkunu xhieda: xhieda li ma jistgħux jinħbew, xhieda li jiddu u jidhru bid-dawl tad-dinja li huma saru permezz tal-għaqda tagħhom ma’ dak li hu d-Dawl tad-dinja—Ġesù Kristu. Din il-fidi li tagħtina l-ħelsien tal-ulied u mhux il-qadi tal-iskjavi li jemmnu fl-idoli u l-eroj.