San Lawrenz u l-Prefett ta’ Ruma

Il-Ħames Riflessjoni dwar il-kwadru titulari tal-Kolleġjata ta’ San Lawrenz, il-Birgu

Merfugħ ’il fuq, fuq ix-xellug tagħna, faċċata tal-idolu ta’ Erkole u bħalu fid-dlam, nilmħu lil Kornelju, il-Prefett tal-belt ta’ Ruma. Il-Praefectus Urbi kien inkarigat mill-amministrazzjoni pubblika u ż-żamma tal-ordni fil-belt ta’ Ruma. Publius Cornelius Saecularis serva bħala prefett bejn is-snin 258 u 260, fi żmien meta l-Imperatur Valerjanu u ibnu Gallienus kienu għaddejjin b’kampanji militari ’l bogħod minn Ruma. Kienu żminijiet imwiera fejn l-istabbiltà u saħansitra l-eżistenza tal-istess imperu kienet mhedda f’diversi nħawi minn invażjonjiet, gwerer ċivili, u problemi ekonomiċi.

Fl-istorja tal-Knisja, l-Imperatur Valerjanu huwa l-iktar magħruf għall-persekuzzjoni ħarxa kontra l-Insara. Waqt li kien fi gwerra kontra l-Persjani, huwa bagħat żewġ ittri lis-senat li fihom ta ordnijiet sabiex jittieħdu passi kontra l-Insara. L-ewwel beda billi ordna li l-membri tal-kleru kellhom joffru sagrifiċċju lill-allat Rumani jew jiġu eżiljati. Fit-tieni ittra, mibgħuta fil-bidu ta’ Awwissu tas-sena 258, ordna li l-mexxejja kollha Nsara kellhom jiġu maqtula, u l-Insara f’uffiċċji pubbliċi għolja kellhom joffru sagrifiċċji lill-allat jew jitilfu t-titlu u l-proprjetà tagħhom, u bħalhom in-nisa nobbli jekk ma jiċħdux il-fidi.

Kornelju kien pront jobdi l-ordni tal-Imperatur u, kif jindika San Ċiprijanu ta’ Kartaġni (Epistula LXXXII), il-Papa Sistu II, flimkien ma’ erba’ djakni, ġie misjub f’waħda mill-katakombi u maqtul hemmhekk, nhar is-6 ta’ Awwissu. Madankollu, San Lawrenz ma ppermettiex li jiġi kkonfiskat il-ġid tal-Knisja li kien akkumulat proprju biex iservi ta’ għajnuna għall-fqar u dawk l-iktar fil-bżonn. Din ta’ San Lawrenz ma kinitx biss biċċa makakkerija effettiva li swietlu ħajtu li hu minn rajh kien lest li joffri b’sagrifiċċju jfuħ lil Alla għall-ġieħ tal-isem qaddis tiegħu. San Lawrenz wera fejn tassew kien l-għana tal-Knisja: f’dawk li huma l-iktar vulnerabbli għax fihom jidher aħjar Kristu msallab.

U l-martirju għal dan jagħti xhieda. Għax, ngħiduha kif inhi, x’inhu l-ġid materjali ħdejn l-imħabba? X’inhu d-deheb ħdejn id-demm tas-Salvatur li San Lawrenz kien ministru tiegħu bħala djaknu? Mhux hekk jgħid San Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu: “Kunu afu li intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa” (1 Pt 1, 18-19)?

Jekk irridu nkunu onesti tal-anqas magħna nfusna, ikollna nammettu li, għalkemm forsi ma naħarqux inċens quddiem statwi ta’ allat foloz, xorta waħda ta’ spiss ninħakmu mis-superstizzjoni u l-maġija li jdeffsu denbhom meta l-fidi vera tiddgħajjef. Forsi ma niċħdux it-twemmin f’Alla b’mod dirett, imma fil-prattika nuru mod ieħor għax huma ħafna l-idoli u l-allat li npoġġu l-fiduċja tagħna fihom. Jew meta l-alla li nistqarru ma jkunx l-Alla ta’ Ġesù Kristu, imma alla komdu u maħluq minna skont il-qies tagħna. Jekk mhux ukoll naqgħu fin-nasba tal-imperaturi u, kif ngħidu bil-Malti, naħsbu li aħna xi alla! U din it-tentazzjoni tinħass iktar f’dinja fejn kulħadd medhi bl-apparenza tiegħu, bl-opinjoni ta’ ħaddieħor fuqu, bil-kura eċċessiva tiegħu nnifsu, narċisiżmu u egoiżmu sfrenati fejn kollox f’ħajti jdur mal-jien. Imma l-jien huwa idolu ċkejken u dgħajef ħafna, faċli jikkrolla u miegħu nikkrollaw aħna wkoll hekk li, flok fin-nirien tat-tisfija u l-glorja, insibu ruħna minn issa stess ngħixu fl-infern fejn il-jien hu idolu li safa mxejjen u megħlub għax is-sies tiegħu kien mibni fuq it-tafal.

Mentri, mill-perspettiva Nisrani, għax is‑salib huwa l‑forma permanenti tal‑ħajja ta’ dawk li b’rieda sħiħa jimxu wara Ġesù, b’umiltà li teħlisna jeħtieġ li nħaddnu dak li b’tant qawwa jgħid it-teologu Hans Urs von Balthasar:

It-tifsira tal-ħajja tagħna: li nuru li għarafna li m’aħniex Alla.

Hans Urs von Balthasar, Heart of the World, maqlub għall-Ingliż minn Erasmo S. Leiva (San Francisco: Ignatius, 1979), 32.