Sultana tal-Anġli, itlob għalina
Il-Ħames Riflessjoni dwar it-titulari tal-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid
Ġie anġlu ieħor, b’ċensier tad-deheb, u qagħad ħdejn artal; u tawh ħafna inċens biex joffrih mat-talb tal-qaddisin kollha fuq l-artal tad-deheb ta’ quddiem it-tron. U d-duħħan tal-inċens tela’ mat-talb tal-qaddisin minn id l-anġlu quddiem Alla.
Apokalissi 8, 3-4
Wara li kkontemplajna l-figura ta’ Marija u l-ġemgħa ta’ dawk li nġabru għad-dehriet tal-Madonna, fadal nagħtu ħarsa lejn is-sitt pannelli, tlieta fuq kull naħa tal-Madonna, li fuqhom hemm impittrin l-anġli. Hemm sintonija bejn is-sitt anġli u l-għamla eżagonali (poligonu magħmul minn sitt naħat) ta’ kull tila. L-isfond dehbieni ta’ kull anġlu juri biċ-ċar id-distinzjoni tal-glorja li fil-preżenza tagħha jgħixu dawn il-ħlejjaq spiritwali u l-figuri umani, li huma kemm spiritwali u kif ukoll materjali.
In-natura spiritwali tal-anġli hija iktar enfasizzata bl-għażla ta’ lwien iktar ċari li jagħmel Emvin Cremona u bid-dija li għandhom fuq wiċċhom. Mhux soltu li jiġu inklużi l-anġli f’rappreżentazzjoni artistiċi tal-Madonna ta’ Lourdes. Moħħi mill-ewwel imur għall-kwadru tant għażiż u devot tal-Madonna ta’ Pinu fejn naraw erba’ anġli qed itellgħu lejn is-sema bir-ruħ u l-ġisem lil Marija u jpoġġu fuq rasha l-kuruna ta’ sultana. Dawn is-sitt pannelli jibbilanċjaw l-opra sħiħa għax b’xi mod jagħmlu jidher usa’ l-kwadru tawwali tal-Madonna u joħolqu bilanċ mal-qies tal-kwadri li jirrappreżentaw il-ġemgħa.
Għalkemm fil-Litanija ta’ Loretu nsellmu lil Marija bħala Sultana tal-Anġli, diffiċli tgħid x’kienet l-intenzjoni tal-artist wara din it-tifsila. L-uniku riferenza għal sitt anġli marbutin flimkien hija dik li nsibu fl-14-il kapitlu tal-Ktieb tal-Apokalissi, però ma jidhirx li dawn huma relatati. Żgur li hemm għażla konxja tant li kull anġlu għandu qagħda differenti: tnejn b’idejhom magħqudin fit-talb u jħarsu lejn il-ġemgħa jew lejn Marija; ieħor tistħajlu l-anġlu Gabrijel qed jiddjaloga ma’ Marija; ieħor bil-ħarsa ’l isfel u idu x-xellugija qed tipponta fid-direzzjoni ta’ Marija qisu qed juri lil dik li hi mimlija bil-grazzja; ieħor bil-ħarsa ’l fuq lejn is-sema, lejn Dak li hu l-għajn ta’ kull rivelazzjoni; u ieħor bil-ħarsa ’l quddiem u donnu qed ibierek b’idu l-leminija lill-ġemgħa kollha fil-knisja.
Dawn kollha huma qagħdiet differenti li fihom inpoġġu lilna nfusna quddiem Alla, il-Madonna, u l-qaddisin fit-talb. Waħda ma teskludix lill-oħra, u lkoll huma espressjoni ta’ talb skont iċ-ċirkustanzi personali jew il-ħtiġijiet tal-Knisja u tal-umanità. X’inhi l-qagħda favorita tiegħek quddiem Alla fit-talb? X’forma ta’ talb tippreferi? Tippreferi tikkontempla l-misteru ta’ Alla u l-misteru tal-bniedem? Tippreferi t-tifħir? Jew tħoss is-sejħa b’mod speċjali għal talb ta’ interċessjoni u barka? Kulħadd għandu t-temperament u l-karattru tiegħu li jaffetwaw ukoll il-qagħda ta’ ruħna quddiem Alla. M’intix imsejjaħ li tagħżel waħda jew oħra. Inti biss imsejjaħ li, bħal Marija, tagħmel il-wisa’ lill-Ispirtu Qaddis sabiex ikun hu li jqanqal lil ruħna skont ma jkun meħtieġ.