
“Terdgħu u tixbgħu minn sider il-faraġ tagħha”
It-Tieni Riflessjoni dwar il-Kwadru Titulari Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar
“Ifirħu lil Ġerusalemm, thennew biha,
Isaija 66, 10-12
intom ilkoll ħbieb tagħha!
Aqbżu bil-ferħ, intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha,
Hekk intom terdgħu u tixbgħu minn sider il-faraġ tagħha;
terdgħu u titgħaxxqu mis-sider mimli tagħha.”
Għaliex dan jgħid il-Mulej: “Arani!
Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara,
u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus.
U intom terdgħu u fuq id-dirgħajn tintrefgħu,
u jżiegħlu bikom fuq l-irkupptejn.
Hekk kif nerġgħu noqogħdu quddiem ix-xbieha movimentata tal-Madonna tal-Grazzja, naraw tintiseġ quddiemna ftit ftit in-narrattiva tal-imħabba li narawha mhux biss fil-fatt li l-anġli f’dan il-kwadru donnhom ma jehdew qatt iressqu għand Marija Santissima lil dawk kollha li jeħtieġu l-grazzja—Binha Ġesù—imma tidher ukoll fil-qagħda tagħha bħala l-virgo lactans, ix-xebba tradda’. Dan il-ħalib li jċarċar fuq dawk li lejha jirrikorru u s-sider mimli—it-tnejn xbieha tal-abbundanza—jikkuntrastaw mal-frak li tkellmet dwaru l-mara Kangħanija meta tenniet lil Kristu li “l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!” (Mt 15, 27). Imma anke hija qalgħet mingħand il-Mulej dak li talbet meta wriet il-fidi tagħha.
Din it-tematika tal-abbundanza donnu toħroġ mill-kwadru u nsibuha estiża mal-ħitan tal-kor tal-istess knisja li fiha jinsab dan il-kwadru. Iċ-ċiklu tal-erba’ kwadri tal-kor, xogħol Giuseppe Maria Caruana, huma estensjoni ta’ dan is-sens ta’ grazzja hekk kif tidher f’erba’ ġrajjiet bibliċi: l-Anġlu juri bir lil Ħagar meta ġiet imkeċċija fid-deżert flimkien ma’ binha Ismagħel (Ġen 21, 8-21); Mosè jaħbat għall-blat fid-deżert bil-ħatar tiegħu u minnu joħroġ l-ilma biex jixrob il-poplu (Eż 17, 1-7); l-ewwel sinjal ta’ Ġesù f’Kana meta l-ilma nbidel fi nbid (Ġw 2, 1-11); u l-laqgħa ta’ Ġesù mas-Samaritana fuq il-Bir ta’ Ġakobb (Ġw 4, 1-42). Nistgħu nistħajlu li, bħalma fil-kolonnat tal-Bernini fil-Vatikan għandna xbieha tal-Knisja-Omm li tħaddan l-erwieħ kollha u tagħtihom it-tama tas-salvazzjoni, hekk ukoll, fuq skala ferm iżgħar, fil-kor ta’ Ħaż-Żabbar nilmħu din it-tgħanniqa tal-imħabba tal-Grazzja ta’ Alla mferrxa fuq il-bnedmin permezz ta’ Marija Santissima.
Iżda mhux biżżejjed li tilmaħ: jeħtieġlek ukoll li tittama u tersaq biex tiġi mħaddan u mxebba’ mill-għajn tal-grazzja li tfur fuqek u taħjik.