Tħabbat dik il-Qalb fil-qalba tad-dinja
Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, Paola
Filwaqt li qlubna wiċċ din l-art jibqgħu jterrqu, dan jagħmluh bil-fiduċja, bl-imħabba mkebbsa u li tfur fil-karba: “Ejja!” U wkoll jekk it-tnehid ta’ qalbna jibqa’ donnu ma jistax jitfisser bil-kliem, ħa jkun l-Ispirtu tiegħek li jidħol għalina bit-talb tiegħu, u int agħraf li x-xewqa tiegħu fina hija li ngħajtulek: “Ejja!” “Ejja!” ngħidulek, aħna f ’dan laħamna. “Ejja!” ngħidulek aħna, l-għarusa tiegħek. Ejja!
Imma sakemm l-aħħar taħbita ta’ Qalbek tiġbed ’il qlubna ’l ġewwa għal dejjem, tibqa’ tħabbat Qalbek fil-qalba tad-dinja!
Għada tħabbat fil-Qalb tad-Dinja (Malta: Reliġjon u Ħajja, 2023), 60-61.
Hekk kif f’dawn il-ġranet qegħdin niċċelebraw is-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu—magħrufa iktar bl-isem Latin ta’ Corpus Christi—jixraq li niffukaw fuq il-motivi Ewkaristiċi ta’ din il-pittura. F’idejn Ġesù nilmħu jiddu l-ħobż u l-kalċi. Anke fin-naħa ta’ fuq tal-gwarniċ insibu s-simboli tal-qamħ u l-għeneb, il-materja prima biex isiru l-ħobż u l-inbid.
Nistgħu ngħidu li l-qagħda ta’ Kristu hija waħda “saċerdotali”: bil-ħarsa lejn is-sema u bil-ħobż u l-inbid f’idejh qisu qiegħed itenni d-dossoloġija (“Bi Kristu, ma’ Kristu, u fi Kristu …”) li l-qassis jgħid fi tmiem it-talba Ewkaristika sabiex ifisser il-ġieħ u s-sebħ mogħtija lill-Missier permezz ta’ Kristu li joffrilna ġismu u demmu bħala ikel u xorb. Ġismu u demmu … laħmu u demmu … Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù tfur mill-fidi fil-konkretezza tal-inkarnazzjoni: Alla magħmul bniedem għandu qalb tal-laħam, qalb li tippompja d-demm mal-partijiet kollha tal-ġisem sal-ibgħad trufijiet, u terġa’ tiġbdu lura.
Dan l-istess moviment nesperjenzawh ukoll fl-Ewkaristija. Wara li nitrejqu b’Ġisem il-Mulej, niġu mibgħuta fil-paċi ta’ Kristu—ippumpjati ’l barra, fid-dinja—sabiex hemmhekk ngħixu l-għotja tagħna nfusna lill-oħrajn f’xebh mal-Mulej sakemm nerġgħu ninġabru l-Ħadd ta’ wara—ninġibdu lura fil-Qalb tal-Mulej. U nibqgħu ngħixu f’dan ir-ritmu kontinwu li mingħajru m’hemmx ħajja sakemm jasal Jum il-Mulej, dak il-Ħadd bla tmiem fejn ilkoll insibu ruħna mħaddna f’dik il-Qalb Imqaddsa (ara Ġwanni Pawlu II, Dies Domini, par. 84).
Sakemm jasal dak il-Jum, “Kull darba li nieklu dal-ħobż u nixorbu dal-kalċi, inħabbru l-mewt tiegħek, Mulej, sa ma tiġi,” kif nistqarru f’waħda mill-akklamazzjonijiet li l-liturġija toffrilna meta jitħabbar il-misteru tal-fidi wara l-konsagrazzjoni. Fl-Ewkaristija ngħixu f’din it-tensjoni bejn dak li diġà nistgħu nesperjenzawh u dak li għad nesperjenzawh fil-milja biss fl-aħħar taż-żmien. Huwa għalhekk li l-Apokalissi, l-aħħar ktieb tal-Bibbja, jagħlaq proprju bl-Ispirtu u l-Għarusa—il-Knisja—jitniehdu “Ejja!” (Apok 22, 17).
Kif tgħixha din it-tensjoni espressa fl-Ewkaristija bħala l-għajn u l-quċċata tal-ħajja tal-Knisja? Tisimgħu t-taħbit ta’ din il-Qalb int u titqarben? Tibqa’ tisimgħu wkoll barra, fejn inti stess issir Ewkaristija għall-oħrajn, ukoll jekk issib ruħek fil-kesħa u d-dlam? Anke jekk ma tisimgħux dan it-taħbit, tinkwetax. Li jgħodd hu li tagħżel li tħalli lill-Ispirtu jmexxik skont ir-ritmu tiegħu, sakemm tinġibed ’il ġewwa f’dik il-Qalb għal dejjem.