U l-Kelma saret Laħam
Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-Kwadru tat-Tħabbira tal-Mulej fil-Katidral tal-Imdina
U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,
u aħna rajna l-glorja tiegħu,
il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,
mimli bil-grazzja u l-verità.
Ġw 1, 14
F’dan il-kwadru nsibu numru ta’ simboli li b’xi mod jorbtu ma’ dak li nsibu fil-Prologu tal-Evanġelju skont San Ġwann. L-ewwel nett, hemm linja djagonali ta’ dawl li tibda mill-kantuniera ta’ fuq tax-xellug u tinżel dritt għal fuq il-ġuf ta’ Marija—dawl li bħal donnu ħiereġ minn xi mkien ’il fuq mill-kwadru (mit-tron mistur ta’ Alla) u li jasal sal-maqdes ċkejken tal-laħam fejn niżel biex hekk isalva dan l-istess laħamna—“dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja” (Ġw 1, 9). F’dan ir-raġġ ta’ dawl hemm ħamiema bajda, xbieha tal-Ispirtu s-Santu, li litteralment nieżla għal fuq Marija, kif jixhdu l-ħarsa ’l isfel u s-saqajn miġbuda (ara Lq 1, 35).
Element straordinarju ieħor li nsibu f’dan il-kwadru huwa l-iskroll f’ħoġor Marija. Dan l-iskroll jikkumplimenta l-iskrolli f’idejn l-personaġġi b’siltiet mit-Testment il-Qadim, kif diġà fissirna qabel. Iżda dan l-iskroll ta’ Marija mhuwiex biss profezija imma huwa t-temma tal-profezija, it-twettiq tagħha: huwa xbieha tal-Kelma ta’ Alla li qed issir laħam f’ġufha proprju f’dak il-mument (Ġw 1, 14a).
Il-Kelma saret laħam sabiex hekk il-laħam seta’ jibda jkun bħall-Kelma.
San Ilarju ta’ Poitiers, De Synodis 48 (PL 10.546)
Hekk kif wasalna fl-aħħar jiem qabel iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-misteru kbir, ieqaf fuq dan il-kliem u, quddiem ix-xena li jpittrilna Bruschi, agħraf kemm l-inkarnazzjoni hija xi ħaġa litterali u konkreta. Kif qed timmarka l-konkretezza tal-ħajja tiegħek din il-verità? Tibdel il-mod kif tħares lejn ir-realtà tal-laħam tiegħek u ta’ ħutek? Tħalli lil Alla jkompli jikteb l-aħbar it-tajba tiegħu għad-dinja permezz tal-umanità tiegħek?