Għalkemm f’Malta u f’għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja, il-festa tal-Epifanija tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd wara l-ewwel tas-sena, id-data proprja għal din il-festa hija s-6 ta’ Jannar, data li tmur lura għall-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu, saħansitra tmur iktar lura mill-għażla tal-25 ta’ Diċembru bħala għaċ-ċelebrazzjoni tat-twelid ta’ Kristu. Hija festa tant għażiża għalina din tal-Epifanija għax proprju fil-persuna tal-maġi Kristu ġie muri lilna li ma nagħmlux parti mill-Poplu ta’ Iżrael imma aħna wlied il-ġnus li fi Kristu għarfu dak id-dawl li waħdu jista’ jwassalna għall-hena sħiħ, għall-hena veru.
Allura nistgħu ngħidu li fadlilhom ġurnata oħra ċans biex jaslu jekk għadhom ma waslux. Niftakar meta konna tfal konna noqogħdu mmexxu l-pasturi tagħhom u l-ġmula ftit gtit kuljum sakemm jaslu fl-għar fil-jum mistenni. Imma tgħid se jaslu l-Maġi dis-sena?
Żgur li mhux se jkun faċli għalihom jidentifikaw il-Kewkba ta’ dak li twieled Sultan f’Iżrael bil-missili ġejjin minn kull naħa, donnhom kwiekeb feġġejja (shooting stars). Forsi l-mezzi tat-trasport għad-dispożizzjoni tagħhom huma iktar effiċjenti u veloċi, imma t-triq żgur li se jsibuha mħarbta u mhux se jkun possibbli li jaqbdu ajruplan dirett biex jidħlu fil-West Bank fejn tinsab Betlehem għax il-Palestina m’hemmx ajruport għan-nies ċivili u mhux għall-militar.
Tgħid forsi mal-karwana tagħhom ma jirnexxilhomx jiġbru xi militant-terrorist jew xi suldat tal-istat terrorist u jħalli l-armi, skont ma ħolom il-Profeta Isaija, fejn ix-xwabel jinbidlu f’sikek tal-moħriet, u l-lanez fi mnieġel (Is 2, 4)? Tgħid ma jsibux lil xi ħadd li jinħasel mill-kunflitt imdemmi u mal-maġi jkompli l-vjaġġ bħala pellegrin li, flok jiġġieled għal saltna tal-art, għat-twaqqif tal-Istat Iżlamiku jew għas-supremazija assoluta tal-istat ta’ Iżrael, jitlaq ifittex is-Saltna ta’ smewwiet u jibda jgħix fiha meta jsib lil Kristu?
Imma nagħmlu mod li jirnexxilhom jaslu, ġaladarba l-postijiet tad-dħul huma kollha kkontrollati mill-istat ta’ Iżrael, żgur li se jsibuha diffiċli biex jaċċettawlhom il-passaport Iranjan tagħhom—ma ninsewx li l-Persja, minn fejn hu maħsub li ġew il-maġi, illum huwa l-Iran, pajjiż li deffes waħda u sew imnieħru f’dan il-kunflitt bit-tama li jirbaħ is-supremazija u l-monopolju tar-reġjun.
Imma, bħalma l-figura tagħhom fuq il-bieb tal-Bażilika tan-Nattività ta’ żmien Kostantinu salvatha mill-qerda tal-Persjani u għadha wieqfa sal-lum għax il-Persjani raw li dan l-imkien kien għażiż mhux biss għall-Insara imma wkoll għall-antennati Persjani tagħhom libsin bl-ilbies tradizzjonali tal-Persja, hekk ukoll jalla mqar tilma l-kewkba tat-Tama f’qalbhom u f’qalbna: il-Kewkba ta’ dik it-Tama li jisimha Ġesù u li tagħti salvazzjoni lill-bnedmin tad-dinja kollha.
Mill-banda l-oħra, jekk ma jaslux, lanqas tant jimporta. Tista’ toffrihomlu inti r-rigal u l-qima tagħhom. Tista’ toffrihulu inti d-deheb billi tagħrfu bħala s-Sultan u s-sid ta’ ħajtek. Tista’ toffrihulu inti l-inċens tal-adorazzjoni tiegħek billi, twarrab il-qima tiegħek innifsek u ta’ oħrajn jew ideali jew ideat, u tagħrfu bħala l-uniku Alla tiegħek, li quddiemu bħal inċens ifuħ trid tinħaraq fuq l-altar tar-rieda mqaddsa u mbierka tiegħu. Tista’ toffrihielu inti l-mirra ta’ dak li hu morr fil-ħajja tiegħek biex jibdlu fi ħlewwa għalik u għal dawk ta’ madwarek. Tista’ toffrihielu inti l-mirra ta’ dak li hu mewt u dlam fik biex bħal fl-għodwa tal-qawmien jibdlu f’dawl u ħajja minn din l-art stess. Tista’ tkun inti li tassew issib lil dak li hu t-Tama tal-ġnus u ġġorru miegħek f’qalbek, u fil-bixra leqiena ta’ wiċċek, u f’ħarstek kollha tama għall-ġejjieni mhux għax tinjora l-verità kiefra tar-realtà, imma għax fiha xorta kapaċi tilmaħ is-saba’ ta’ Alla li jmexxi l-istorja għat-tmiem tagħha fih minkejja, anzi, proprju permezz tal-istess taħwid u toroq mgħawġa tagħna.