Ħafna jistaqsu: huwa possibbli li nagħmlu rappreżentazzjonijiet artistiċi ta’ Alla? Meta fil-profeti u fil-Liġi ta’ Mosè nsibu li ma jistgħux isiru xbihat minquxa, kienu qed jeħduha kontra li jsiru statwi li fihom infushom jiġu meqjusa bħala alla—dawk li ngħidulhom idoli.
Mill-banda l-oħra, f’punti differenti tal-istorja tas-salvazzjoni, Alla wera lilu nnifsu lill-bniedem b’mod li jidher. Għaldaqstant, kif insibu f’Sollicitudini Nostrae tal-Papa Benedittu XIV (1745), jistgħu jsiru xbihat tat-Trinità, imma dawn ir-rappreżentazzjonijiet ma jistgħux jitbiegħdu minn dak li nsibu fl-Iskrittura. Dan ifisser li t-tliet persuni tat-Trinità ma jistgħux jiġu rrappreżentati bħala figuri umani bl-istess wiċċ (bħala enfasi fuq l-ugwaljanza tal-persuni), jew bħala figura umana bi tliet irjus!
Allura x’jista’ jagħmel l-artist? Ir-raffigurazzjoni ta’ Kristu bħala bniedem hija pjuttost loġika għax marbuta mal-fatt innifsu li l-Verb ta’ Alla sar bniedem. Fejn jidħol il-Missier u l-Ispirtu s-Santu, il-ħaġa tikkumplika ruħha xi ftit. Imma jekk ikollna nqalbu l-paġni tal-Bibbja nsibu mumenti fejn il-Missier u l-Ispirtu dehru b’mod viżibbli.
Fil-każ tal-Missier Etern, il-Profeta Danjel jirrakkonta din id-dehra: “Kont għadni qiegħed inħares, meta tqiegħdu xi tronijiet, u wieħed Xiħ fl-għomor qagħad bilqiegħda; ilbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf” (Dan 7, 9). F’dan il-kuntest, ix-xjuħija tenfasizza b’mod grafiku l-eternità ta’ Alla u kif ukoll l-għerf tiegħu.
Fejn jidħol l-Ispirtu s-Santu, it-Testment il-Ġdid jagħtina żewġ modi ta’ kif wera ruħu: bħala ħamiema fil-magħmudija tal-Mulej, u bħala ilsna tan-nar f’Għid il-Ħamsin skont ir-rakkont tal-Atti tal-Appostli.
Quddiem il-misteru ta’ Alla fih innifsu, jalla ma nfittxux li nfissru għal kollox lil dak li hu ferm ikbar minn dak li aħna nistgħu nimmaġinaw, imma nħallu dan il-misteru jaħtafna u jpoġġina fil-qalba ta’ din iż-żifna eterna tal-persuni tat-Trinità li minnha ġejja kull ħajja u lejha miexja lura.