Nhar id-29 ta’ Settembru l-Knisja tiċċelebra festa lill-Arkanġli Mikiel, Gabrijel, u Rafel. Il-kelma ‘anġlu’ ġejja mill-Grieg u tfisser messaġġier. Għaldaqstant, “arkanġlu” tfisser messaġġier ta’ grad għola, probabbilment mibgħut b’messaġġ iktar importanti jew mogħti missjoni ogħla.

Għalkemm bosta tradizzjonijiet Insara u xi sorsi miktuba antiki jsemmu arkanġli oħra—li b’kollox ġeneralment jammontaw għal sebgħa—il-Knisja tiċċelebra lil dawn it-tlieta biss b’mod speċifiku għax dawn biss jissemmew fil-kotba msejħa kanoniċi, jiġifieri l-kotba li jiffurmaw il-Bibbja.

L-importanza tal-messaġġi li ġie mibgħut iwassal l-Arkanġlu Gabrijel nafuha. U xi ftit nafu wkoll it-taqtigħa tal-Arkanġli Mikiel kontra l-anġli li rribellaw kontra Alla, u l-protezzjoni tiegħu fuq il-poplu magħżul ta’ Alla—sew tar-rabta l-qadim u sew tal-ġdida. Imma forsi ftit aħna familjari mal-istorja tal-Arkanġlu Rafel. Dawk minna li konna mmorru l-M.U.S.E.U.M. probabbilment jiftakru kif, qabel ma nitilqu xi mkien bil-vann, fl-aħħar tat-talba konna nitolbu l-ġakulatorja lil San Rafel biex iwassalna fis-sliem. U bir-raġun!

L-avventura ta’ dan l-arkanġlu nsibuha rrakkuntata fil-Ktieb ta’ Tobit, wieħed minn dawk il-kotba msejħin dewterokanoniċi—litteralment, “dawk li jiffurmaw tieni kanoni.” Sa mill-ewwel sekli, it-Tradizzjoni Nisranija qieset dawn il-kotba bħala ispirati minn Alla u kienet tużahom fil-liturġija u fit-tagħlim, minkejja li mit-tieni seklu wara Kristu ’l quddiem il-Lhud ma baqgħux jinkluduhom mal-Kotba Mqaddsa tagħhom, ukoll jekk xorta waħda baqgħu meqjusa bħala sorsi validi ta’ tagħrif u tagħlim morali. Hu proprju minħabba f’hekk li anke l-Insara Protestanti ma jqisux dawn il-kotba bħala ispirat.

In-nisġa tal-istorja tal-Ktieb ta’ Tobit iddur madwar il-ġrajja ta’ żewġ familji Lhud eżiljati fost il-ġnus imma li xorta baqgħu fidili għat-tradizzjonijiet ta’ missirijiethom, minkejja l-ostakli kollha. L-Arkanġlu Rafel li jidħol fil-qalba ta’ dawn iż-żewġ familji bħala rappreżentant ta’ Alla u jgħinhom fil-mumenti l-aktar delikati tal-istorja tagħhom. Narawh jieħu d-dehra ta’ bniedem li jakkumpanja lil Tobija li missieru Tobit jibagħtu jġib xi flus mingħand qarib tagħhom wara li l-familja sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ faqar peress li Tobit għama. Fi triqthom, huma jaqbdu ħuta mix-xmara Tigri wara li ppruvat taħtaf riġel Tobija, u Rafel jordnalu biex jiftaħ il-ħuta u jaqlagħlha l-marrara, il-qalb u l-fwied, għax se “jservuna ta’ duwa tajba” (Tob 6, 4).

Matul dan il-vjaġġ,  Rafel jiggwida liż-żagħżugħ biex isib l-għarusa li kellha ssir martu, Sara, u, permezz tal-qalb u l-fwied maħruqa fit-tinda tal-ewwel lejl, hija tiġi meħlusa minn spirtu ħażin li kull darba kien joqtol kull raġel li jiżżewwiġha u jersaq lejha. Wara li jġib lura l-flus ta’ missieru, Tobija flimkien ma’ martu jerġa’ lura għand missieru u, permezz tal-marrara tal-ħuta, Alla jfejjaq lil Tobit.

Huwa proprju fi tmiem dawn il-ġrajja li s-sieħeb ta’ Tobija fil-vjaġġ juri l-identità vera tiegħu: “Jien Rafel, wieħed mis-seba’ anġli, li qegħdin quddiem il-maestà tal-Mulej, u nistgħu nersqu lejh … Bierku lill-Mulej għal dejjem. Mhux minn rajja li kont magħkom, imma għar-rieda tajba ta’ Alla. Lilu bierku l-jiem kollha, u lilu faħħru bl-innijiet” (ara Tob 12, 15-18). Kif qal hekk Rafel  għola ’l fuq u għeb minn quddiemhom.

Fil-vjaġġ tal-ħajja probabbilment mhux se tiltaqa’ ma’ ħut li jipprova jattakkak, imma klieb il-baħar b’żewġ saqajn se ssib żgur. U xejn inqas tfixkil mill-ħażin. Għalhekk, ma tkunx idea ħażina jekk titlob lill-Arkanġlu Rafel biex jakkumpanjak fit-triqat tiegħek u jwassal il-fejqan tal-qalb lilek u lil oħrajn permezz tiegħek.