Il-festa tal-Magħmudija tal-Mulej mhijiex waħda antika ħafna fl-istorja tal-liturġija tal-Knisja. Kien biss fl-1955 li twaqqfet din it-tifkira bħala kommemorazzjoni indipendenti. Imma fir-realtà, sa mill-ewwel sekli, fit-tradizzjoni tal-Knisja, kemm tal-Lvant u kif ukoll tal-Punent, il-Magħmudija kienet tifforma festa waħda u misteru wieħed flimkien ma’ dak li niċċelebraw fl-Epifanija: ir-rivelazzjoni ta’ Alla lid-dinja fil-persuna ta’ Ġesù. Fl-Epifanija, Ġesù jidher bħala s-salvatur tal-ġnus kollha meta juri ruħu lill-maġi. Fil-magħmudija, Alla juri l-identità vera ta’ Ġesù bħala Ibnu meta jinfetħu s-sema u, mal-inżul tal-Ispirtu s-Santu f’sura ta’ ħamiema, jinstema’ leħen donnu ragħda li tħabbar ix-xita tal-grazzja meta jgħid lil Ġesù, imma biex jisimgħu kulħadd: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.”
Imma kont taf li missirijietna kienu jirreferu għall-festa tal-Epifanija proprju bħala “Għid il-Ħamiem,” kif insibu fil-Calendario Dell’Agricoltore per l’Anno 1849 maħruġ mis-Societa Economico-Agraria dei Gruppo di Malta? Minkejja li fil-Punent il-ġrajja tal-Maġi tisraq ix-xena, fil-Knejjes tal-Lvant il-Magħmudija tal-Mulej għandha importanza ferm ikbar. U, minn għadd ta’ kliem u devozzjonijiet oħra, nafu li l-fidi Nisranija f’Malta, minkejja li hi dik Kattolika Rumana, xorta waħda għal sekli sħaħ baqgħet taħt l-influwenza tat-Tradizzjoni Nisranija tal-Lvant.
Imma x’rilevanza jista’ għandha din l-informazzjoni kulturali? Il-Professur Saydon—dak li waħdu fuq medda ta’ 30 sena qaleb il-kotba tal-Bibbja mil-lingwi oriġinali għall-Malti—osserva li probabbilment l-isem proprju ta’ din il-festa ma kellu xejn x’jaqsam mal-ħamiem imma kien “Għid il-Ħammiem” jew “il-Ħammiem Imqaddes.” Dik l-imbierka ittra “m” doppja tagħmel id-differenza kollha għax “ħammiem” tfisser banju!
Fil-fatt, għalkemm din il-kelma m’għadhiex tintuża, però għandna xi postijiet li jġibu dan l-isem u li huma marbutin ma’ ħażniet jew aċċess għal ilma u banjijiet. Fost dawn insemmu l-post magħruf bħala Għajn Ħammiem taħt l-Imdina, fit-triq li minn ħdejn id-dar Rumana twassal għall-istazzjon tal-ferrovija. Minkejja li tinsab fi stat mitluq, f’dan il-post għad hemm struttura ta’ żmien il-Kavallieri, li tmur lura għas-sbatax-il seklu, u li fiha hemm għad ta’ banjijiet li kienu jimtlew minn għejun ta’ ilma ġieri, probabbilment għall-ħasil tal-ħwejjeġ (għamla ta’ għajn tal-ħasselin li minnha seta’ wkoll jinkiseb ilma safi għal użu differenti).
Forsi din l-ispjegazzjoni storika tista’ tidher xi ftit irrelevanti, imma nazzarda ngħid li din il-laqta Maltija teħodna proprju għall-essenzjal ta’ dak li qed niċċelebraw illum. Għalkemm illum m’għadhomx daqshekk moda, il-banjijiet huma simbolu ta’ ilma, ħasil, u ndafa. U għalhekk, f’din il-festa tal-banju—“Għid il-Ħammiem” meħudha b’mod mill-iktar litterali—għandna l-misteru ta’ dak li għalih ġie Kristu fid-dinja: sabiex Hu li kien għal kollox safi jinżel fl-ilma, “wara li tgħammed il-poplu kollu” jgħidilna Luqa, biex jieħu fuqu l-ħmieġ tad-dnub li ħallew warajhom u jqaddes l-ilma bħala għajn safja li tibqa’ tnixxi għal dejjem permezz tas-sagrament tal-Magħmudija għas-salvazzjoni tal-bnedmin u l-maħfra tad-dnubiet.
Mhux ta’ b’xejn li l-festa sħiħa tal-Epifanija, bil-faċċati kollha tagħha, għal bosta sekli kellha prominenza iktar mill-Milied. Għax, kif ifisser San Massimu, Isqof ta’ Turin, għalkemm din il-ġrajja seħħet snin wara t-twelid ta’ Kristu, madankollu l-festa tal-lum hija Milied ieħor. “Fl-ewwel festa [il-Milied] naraw l-omm bi ħlewwa kbira żżiegħel b’Binha f’ħoġorha, fl-oħra nisimgħu l-Missier jagħti xhieda tajba għal Ibnu; l-omm ressqitlu lill-maġi biex jadurawh, il-Missier urieh lill-ġnus biex iqimuh.”
Imma din il-glorja kollha tidher meta Kristu jxejjen lilu nnifsu u jogħdos f’dak l-ilma mniġġes bid-dnub sabiex aħna stajna niksbu ħajja ġdida permezz tal-magħmudija li biha nibdew ngħixu diġà l-ħajja ta’ dejjem, fejn m’hemmx iżjed kallu u swidija, imma hemm biss bjuda li tgħammex u safa bla qies.