Li tieħu u li tilqa’

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, Paola

Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi.” Imbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.”

Mark 14, 22-25

Hekk kif Żmien l-Għid iċedi postu għaż-Żmien ta’ Matul is-Sema, il-Knisja tiċċelebra tliet solennitajiet marbutin mal-misteru ta’ Alla nnifsu u mal-misteru tal-Inkarnazzjoni, jiġifieri s-Solennitajiet tat-Trinità Qaddisa, tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, u tal-Qalb ta’ Ġesù. Għaldaqstant ħsibna li, aħna u noqorbu lejn tmiem il-ħamsin jum tal-Għid, inpoġġu l-ħarsa tagħna fuq kwadru tassew interessanti li nsibu fil-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, Raħal Ġdid: il-kwadru titulari li tirrappreżenta l-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

Oriġinarjament, din il-knisja kienet ġuspatronat tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u nbniet fl-1630, erba’ snin biss wara li twaqqaf Casal Paula mill-Granmastru Antoine de Paule, li ried jiddedika dil-knisja ġdida lil Santa Ubaldeska Taccini. Santa Ubaldeska twieldet f’Calcinaia u meta għalqet 15-il sena ssieħbet mas-sorijiet tal-Ordni Ospidaljier ta’ San Ġwann li kienu jgħixu fil-kumpless tal-Knisja tal-Qabar Imqaddes f’Pisa. Hemmhekk iddedikat ħajjitha għall-kura tal-morda u l-ħidma ta’ karità.

Minkejja din id-dedikazzjoni oriġinali—li xorta waħda għadha marbuta ma’ din il-knisja sal-lum—meta twaqqfet il-parroċċa ta’ Raħal Ġdid fl-1910, il-parroċċa ġiet iddedikata lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. U sena wara, ġie kkummissjonat l-artist Lazzaro Pisani (1854-1932) sabiex ipitter kwadru titulari ġdid għal din il-knisja li jirrifletti d-dedikazzjoni tal-parroċċa.

Il-pittura hija ddominata minn Ġesù b’qalbu mikxufa u bilqiegħda fil-għoli, donnu fuq tron mgħolli fuq żewġ tarġiet. Dan it-tron, imserraħ fuq blata mdaqqsa, donnu qiegħed f’niċċa li tifforma parti minn struttura arkitettonika. Fuq il-bordura tan-niċċa hemm miktub: ACCIPITE EX EO OMNES—ħudu minnu lkoll—b’allużjoni ċara għall-kliem ta’ Kristu waqt l-aħħar ċena, meta lid-dixxipli tahom jieklu l-ġisem u d-demm tiegħu permezz tal-ħobż u l-inbid—kliem li jiġi ripetut mis-saċerdot f’kull quddiesa waqt il-konsagrazzjoni.

Imma fil-kelma “accipite” hemm logħba għax tista’ tfisser kemm li tieħu u kif ukoll li tilqa’. Allura tista’ tfisser ukoll kmand biex nilqgħu kollox mingħandu? Għalkemm ma naħsibx li din l-interpretazzjoni setgħet kienet f’moħħ l-artist—anke għax mhuwiex l-użu l-iktar komuni tal-verb “accipio”—din l-ambivalenza ta’ li tieħu u li tilqa’ timmarka d-dinamika tal-ħajja Nisranija. Għalkemm Ġesù lit-Tnax qalilhom “Ħudu,” kien hu li newwel il-ħobż u l-kalċi, bħalma fil-quddiesa aħna nirċievu l-Ewkaristija. Hekk ukoll fil-ħajja ta’ kuljum, jeħtieġ li tieħu u tilqa’: tieħu u tilqa’ responsabbiltà, tieħu u tilqa’ deċiżjoni, tieħu u tilqa’ ġieħ u merti … sakemm id-distinzjoni tant tiċċajpar li kważi jiġu ħaġa waħda fejn ir-rieda tiegħek titwaħħad mar-rieda tal-Ieħor, hekk li mbagħad tkun tista’ tieħu minn dak li għandu x’jagħtik u tilqa’ kollox minn idejh. Iċċajpret biżżejjed din id-distinzjoni fil-ħajja tiegħek, jew għadek f’konflitt bejn l-għotja mogħtija b’xejn u l-kilba li taħtaf? Aħseb ftit …