Il-Firma bil-kontra

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-Pittura ta’ San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali, fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara

Jagħtikom is-sliem il-Mulej tas-sliem innifsu dejjem u f’kollox. Il-Mulej magħkom ilkoll. Din hi t-tislima tiegħi b’idi stess, Pawlu; din hi l-firma f’kull ittra tiegħi kif nikteb jien. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom ilkoll.

2 Tessalonikin 3, 16-18

Fl-aħħar ġimgħat tajna ħarsa lejn it-tifsiriet tas-simboli li nsibu fit-titular tal-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara. L-isbaħ interpretazzjoni li jagħti Calì tal-patroċinju ta’ San Ġużepp jinsab fil-kumplessità tax-xena kollha fejn naraw id-dgħajsa tal-Knisja li, minkejja hi bla heda mħabbta mill-mewġ, xorta waħda kontinwament tinsab fil-qalba taċ-ċiklun mimli dawl smewwi qalb sħab li f’partijiet jinbidel f’uċuħ anġeliċi u li f’nofsu hemm Ġużeppi b’Ġesù tfajjel maġenbu.

Imma jekk ikollna nagħtu ħarsa iktar mill-qrib lejn din il-pittura, hemm dettall ferm kurjuż. Taħt riġlejn il-figura femminili, fuq parti tal-injam tad-dgħajsa, insibu l-firma tal-artist u s-sena ta’ meta saret il-pittura. Però f’dan ix-xogħol Calì jiffirma bil-maqlub, u allura tiġi “ilac”—li tinqara bħall-kelma “ilgħaq.” Huma ħafna l-ispekulazzjonijiet dwar x’ried jgħid biha. Imma probabbilment kienet reazzjoni għall-kompetizzjoni li kien qed ikollu minn diversi artisti Taljani li sabu ruħhom fi gżiritna minħabba l-instabbiltà politika fl-Italja lejn it-tieni nofs tas-seklu dsatax. L-aħħar pinzellata ta’ dan il-kapulavur kienet botta għal min kien jikkritikah li kien iwaqqa’ l-prezzijiet biex ‘jilgħaq’ dak li jħallu warajhom l-artisti l-oħra, jew inkella kritika għall-preferenza naturali tal-Maltin għal artisti barranin sempliċiment għax huma barranin.

Filwaqt li tħalli lilek innifsek titħaddan fil-mant ta’ San Ġużepp li jħarsek fil-vjaġġ tal-ħajja, ieqaf ukoll aħseb dwar il-‘firma’ tiegħek, x’marka qed tħalli fuq l-ambjent u d-dinja ta’ madwarek, x’timbru qed tħalli bl-impenn tiegħek, u x’wisa’ tagħti għall-marka li jrid iħalli l-ieħor, sew jekk Malti u sew jekk ‘barrani’ li sab ruħu fuq dil-blata magħna.