Fl-Ewkaristija, l-enfasi fuq id-demm u s-sagrifiċċju saret iddarrasna xi ftit meta suppost kollox ikun nadif u sterilizzati. Imma, minkejja li nħossuh m’għadux moda, il-lingwaġġ huwa wieħed tad-demm, mhux biss fil-Liturġija—li tista’ tiġi rriformata, għalkemm mhux mibdula—imma wkoll fl-Iskrittura—li naħsbu li nistgħu nikkoreġuha, minkejja li m’għandna l-ebda jedd nagħmlu dan.
Imma allura, x’inhi t-tifsira tad-demm u tal-aspett sagrifikali fl-Ewkaristija?
Tajjeb inżommu f’moħħna li d-demm hu meqjus bħala l-prinċipju tal-ħajja fil-bniedem u l-ħlejjaq l-oħra, tant li anke meta l-Lhud joqtlu l-ħaruf jew kwalunkwe annimal ieħor għall-ikel, jaqtgħulu l-vina ta’ għonqu biex joħroġ id-demm kollu qabel ma jsajruh. Id-demm ma jistax jiġi kkunsmat. Anke l-Katekiżmu jfakkarna li “It-Testment il-Qadim dejjem qies id-demm bħala sinjal qaddis tal-ħajja (ara Lev 17, 14)” (KKK, par. 2260).
Kien ukoll minħabba f’hekk li kull patt fid-dinja tal-qedem kien jiġi ssiġillat bid-demm tal-bhejjem biex ifissru li, jekk il-patt jiġi mħares, tiġi mħarsa l-ħajja; jekk le, dawk li ma jżommux mal-patt se jiġrilhom l-istess bħall-bhejjem offruti b’sagrifiċċju. Anke fil-patt bejn Alla u l-poplu tiegħu fuq is-Sinaj permezz ta’ Mose naraw li:
Mosè ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-artal. Imbagħad ħa l-ktieb tal-patt, u qara minnu hekk li seta’ jisimgħu l-poplu. U huma qalu: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu.” Mosè mbagħad ħa d-demm u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: “Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skont dan il-kliem kollu.”
Eżodu 24, 6-8
Għax il-poplu ma kienx fidil għal dan il-patt, Alla kellu jidħol f’patt mal-poplu għal numru ta’ drabi mill-ġdid. Imma seta’ qatt demm il-bhejjem ikun biżżejjed biex iħassar il-ħtija u jissiġilla patt ġdid?
Huwa f’dan id-dawl li rridu naraw il-passjoni ta’ Kristu bħala tixrid ta’ demm u sagrifiċċju ta’ tpattija. Huwa biss bħala bniedem li Alla seta’ jidħol darba għal dejjem fis-Santwarju tat-Trinità Qaddisa “mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem” (Lhud 12, 9). Kien jeħtieġ id-demm ta’ Alla magħmul bniedem biex tassew seta’ jsir patt permanenti bejn il-bnedmin u Alla—demm għal kollox innoċenti u ħajja li kienet kollha kemm hi “iva” waħda u sħiħa lill-Missier—biex titreġġa’ lura u tinħafer ir-ribelljoni tagħna u tinkisbilna mill-ġdid il-ħbiberija ma’ Alla.
Dan kien sagrifiċċju li seħħ “darba għal dejjem” (Lhud 9, 12). Imma f’kull quddiesa nerġgħu nagħmlu tifkira tiegħu u jerġa’ jiġi preżenti u effikaċi għalina llum meta l-qassis itenni kliem Kristu: “Dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet” (Mt 26, 28). B’dan il-mod, minn issa stess, ma’ Kristu nibdew induqu mill-inbid il-ġdid tal-ħajja ta’ dejjem fis-Saltna tal-Missier (ara Mt 26, 29), u ngħixu minn dil-ħajja stess fil-ferħ tal-festa tat-tieġ ta’ Alla mal-umanità mifdija. U, għax ġej minn Alla, dan il-ferħ ma jista’ jeħodulna ħadd. Għalhekk, iva, nistgħu ngħollu l-kalċi tas-salvazzjoni u nsejħu isem il-Mulej (ara Salm 116, 13)! Evviva!