F’dinja fejn is-simbolu tal-qalb hu tant użat li sar wisq irħis, kważi ma jfisser xejn, reazzjoni kwalunkwe għal kwalunkwe messaġġ li nirċievu jew nibagħtu, iċ-ċelebrazzjoni tal-Qalb ta’ Ġesù terġa’ tfakkarna fil-qdusija tal-qalb—kemm tiegħu u kemm tagħna—bħala simbolu tal-għajn tal-imħabba u tal-emozzjonijiet l-iktar umani u li l-iktar jagħmluna umani. It-tradizzjoni Kattolika tgħożż talba marbuta ma’ din id-devozzjoni li tiċċelebra l-konkretezza tal-Inkarnazzjoi: “Agħmel li l-qalb tiegħi tkun tixbah lil tiegħek.” Imma kif nistgħu niksbuh dan?

Mhuwiex faċli nħobbu bħalu meta nħabbtu wiċċna ma’ qlub iebsa u xierfa, jew inkella ma’ qlub maqtugħa, jew qlub sewda li jeħtieġu ’l min jagħmlilhom il-qalb. Allura jeħtieġ li qalbna stess ma ssirx taż-żonqor imma tibqa’ qalb li tħoss, li tintmiss mill-ħajja u t-traġedji tagħha, qalb li tfur bil-ferħ, qalb qawwija, kollha fiduċja fil-pjanijiet ta’ mħabbtu għalina. Trid tkun qalb li xejn ma żżomm f’qalbha għad-deni, li ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; qalb li kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti, biex hekk ikollha tassew dik l-imħabba ta Kristu li ma tintemm qatt (ara 1 Kor 13, 5-8).

Dan ma jfissirx sempliċiment li jkollna qalb tad-deheb jew qalb taz-zokkor, li iktar tpoġġi lilna fiċ-ċentru. Huwa biss jekk inħallu ’l qalbna titwessa’ biex tkun miftuħa, qalb ħelwa u umli bħal dik tal-Imgħallem, qalb żgħira li tintmiss mill-qlub muġugħa madwarha, sabiex jittrattbu l-qlub iebsa, jitkebbsu mill-ġdid il-qlub, u dan kollu b’qalb kbira. Ifisser li nkunu hemm għall-qlub imtertqa jew il-qlub imferfra, jew dawk miksura. U iktar ma niftħu qalbna għall-Qalb tal-laħam ta’ Alla, imbagħad verament ikollna sehem mill-Qalb ta’ Alla tbaqbaq bi mħabba tal-ġenn għalina l-bnedmin.