Waħda mit-taqbiliet sinonimi mal-Karnival Malti, imma li xi ftit jew wisq qed tintesa, hija dik tal-Maskarata u l-perlini. Dahri, waqt li jkunu għaddejjin fit-triq, il-maskarati kienu jwaddbu l-perlini lin-nies li kien ikun fil-ġnub tat-toroq jassistu għall-ispettaklu. Il-maskarati huma kostumi goffi li jgħattu lill-persuna li tilbishom (donnhom minjaturi ta’ karrijiet tal-karnival), u l-perlini huma ħelu magħmul minn lewż miksi biz-zokkor magħqud u kkulurit. Huwa għalhekk li kienet tingħad din it-taqbila:

Maskarata tin’ perlina
Għax warajk għandek xadina
Minflok waħda tini tnejn
Għax tiddobba xi daqtejn.

Fid-dawl tar-Rivoluzzjoni Darwinjana, ix-xadina m’għadhiex wara l-maskarata, lesta biex taħsadha jew theddidha: ix-xadina—anzi, “ix-xadina għarwiena,” kif issejħilha Desmond Morris—sabet ruħha hi stess taħt il-maskarata, u min iqabblilha m’hemmx iktar għax ta’ fuq il-bankina huma wkoll xadini li jilbsu l-maskri tal-bluha biex jaħbu dak li hemm fil-qalb, jew jippruvaw jinsewh imqar għal ftit. Kemm hu minnu l-kliem li Ġużè Chetcuti poġġa fuq fomm waħda maskarata fil-poeżija Maskarata li kiteb fl-1951:

Illum tarawni nidħak: fittxu f’qalbi,
għandi storja ta’ dmugħ.
Il-misteru tal-waħx, tal-ħqir u l-biki
hawn, ġo sidri, merfugħ.

Dil-maskra li qed tidħak qiegħda tgħatti
l-imrar ta’ ħajja sħiħa.
Illum il-għid tal-bluha: niżfnu mad-daqqa
tal-vjolini ferrieħa,

U bħall-bżieżaq kull lewn li fuq irjusna
qed jittajru w jinfaqgħu,
Hekk aħna f’dan iż-żfin ta’ ħajja fiergħa
fl-abbiss tal-Mewt qed naqgħu.

“Maskarata,” Il-Malti 27, nru 3, (1951), 70.

U, tassew, jekk max-xadina teħel, il-bniedem li hemm moħbi fil-maskarata jibqa’ biss xkora ta’ hemm xurban biex jinsa għal ftit il-ħajja battala tiegħu li twassal biss sal-qabar …

Fortunatament, għalkemm qabel ir-Randan jiġi l-Karnival, wara l-Karnival—li sar karikatura grotteski tal-ħajja tagħna ta’ kuljum—jista’ jiġi r-Randan għal min jiftakar li, anke jekk taħt il-maskarata hemm xadina għerja, dik l-għera hi moħjija min-nifs ħallieq ta’ Alla. U taħt il-maskra m’hemmx biss il-wiċċ ta’ bniedem, imma hemm ukoll ix-xbieha li tagħha hu dak il-bniedem: Ġesù Kristu, li bħal maskarun ġie żżufjettat fil-ġmiel sfigurat tiegħu. Imma salvatna proprju din is-sura mħassra ta’ Alla magħmul bniedem li “donnu ma kienx bniedem, u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem” (Is 52, 14), u kien bil-ġrieħi tiegħu li ġejna mfejqa (ara Is 53, 5; 1 Pt 2, 24). U mfejqa wkoll kienu l-ġrajjiet tagħna, moħbija taħt il-maskri boloh u t-tiċpis ta’ lwien il-frugħa ma’ wiċċna.

Għalhekk, dis-sena, flok tilbes il-maskra biex tinsa, inża’ l-maskra biex tiftakar: Mhux tiftakar f’dak li tixtieq tinsieh … wara kollox dak diġà mifdi u maħfur. Ftakar fix-xbieha li hemm mistura siekta fik u fihom, taħt kull maskra li madwarek tara. Ftakar, agħder, ifhem, itlob, u għix dan ir-Randan bħala żmien li fih, permezz tat-talb, is-sawm, u l-karità, minnek tiddi d-dija ta’ xbihet Alla fik biex tingħata glorja xierqa lilu u tixħet raġġ ta’ dawl li, bħal merżuq mis-sħab, jinfed il-qoxra tal-maskri u jasal sal-qlub u jfakkar li wara l-maskarata hemm xadina, u din ix-xadina għerja hemm fiha nifs il-Ħajja u xbieha ta’ Dawl is-sema.