Qatt innutajt li fir-Randan ma nkantawx Hallelujah waqt il-Quddiesa imma minflok ngħidu “Glorja u Tifħir lilek, Kristu”? Ir-Randan huwa żmien importanti ħafna fis-sena liturġika u dan għaliex iservi kemm ta’ preparazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-Għid, kif ukoll għax bħala mument penitenzjali jgħinna nagħrfu n-nuqqasijiet tagħna u nagħżlu lil Alla f’ħajjitna. It-tliet kelmiet li jikkaraterizzaw dan il-perjodu huma: talb, sawm u karità. Imma il-kelma Hallelujah x’għandha x’taqsam ma’ dan kollu?

L-Insara f’dan iż-żmien bħal donnhom isumu milli jgħidu l-kelma Hallelujah,kelma li ġejja minn żewġ kelmiet bil-Grieg: hallalu,li tfisser “faħħru,” u yah, li hija forma qasira tal-isem ‘Yahweh’, l-isem ta’ Alla. B’hekk il-kelma Hallelujah tfisser “faħħru lil Alla”. Din hija kelma ferriħija li permezz tagħha niftakru li bil-Quddiesa aħna ningħaqdu flimkien mal-kor tal-anġli biex niċċelebraw is-Saltna ta’ Alla sa minn fuq din l-art.

Imma fir-Randan l-enfasi hija fuq il-ħtieġa li nħejju lilna nfusna biex nilqgħu s-salvazzjoni u s-Saltna ta’ Alla. L-erbgħin  jum tar-Randan ifakkruna fl-erbgħin sena li l-poplu Lhudi għamel fid-deżert. Huwa żmien ta’ riflessjoni u purifikazzjoni, li jġiegħelna nixxenqu għas-salvazzjoni li Alla offrilna permezz tal-misteru tal-Għid ta’ Kristu jiġifieri tal-passjoni, mewt u l-qawmien ta’ Kristu.

Is-‘sawma’ milli nkantaw Hallelujah tkompli ma’ numru ta’ tibdiliet żgħar li hemm fil-liturġija biex jenfasizzaw il-karattru penitenzjali ta’ dan iż-żmien, fosthom li ma nitolbux il-Glorja li fiha hemm l-aħbar ferriħija tal-anġli wara t-twelid ta’ Ġesù; is-Salm Responsorjali huwa meħud minn salmi penitenzjali jew salmi oħrajn li jitolbu l-intervent ta’ Alla fil-mument ta’ prova; il-fjuri huma wkoll imwarrba mill-artal; u l-kulur liturġiku huwa vjola li għal darb’oħra jissimbolizza l-penitenza u l-indiema. Dawn it-tibdiliet kollha jgħinuna niffukaw l-attenzjoni tagħna fuq l-indiema u li ningħaqdu dejjem aktar mar-rieda ta’ Alla permezz tal-penitenza u t-talb.

B’hekk din is-‘sawma’ milli nkantaw Hallelujah isservina kemm bħala tħejjija u kif ukoll bħala xenqa ġewwa fina biex niċċelebraw l-Għid il-Kbir u biex f’ġurnata minnhom inkunu nistgħu nqimu u nfaħħru lil Alla wiċċ imb wiċċ fil-ġenna fejn inkantaw Hallelujah mingħajr tmiem.

Ieqaf u aħseb:

It-tifħir lil Alla huwa forma ta’ talb spiss minsija, forsi għax tant imdorrija li nitolbu lil Alla biss fil-bżonn. Ilek ma tfaħħar lil Alla tal-grazzji li tak f’ħajtek?

Kif tista’ tħejji lilek innifsek aħjar biex fl-Għid il-Kbir tkun tista’ tkanta Hallelujah b’qalb safja?