Innutajt bħali? Waqt il-quddiesa fil-Bidu tal-Ministeru Petrin, u anke f’diversi ċirkostanzi oħra, il-Papa Ljun XIV isib ruħu jħares lejn iċ-ċurkett li ġie mlibbes lilu mill-Kardinal Tagle, bħala rappreżentant tal-kardinali tal-Ordni tal-Isqfijiet. Bħal donnu, minn banda jħoss it-toqol tar-responsabbiltà li biha ġie fdat mill-Kulleġġ tal-Kardinali, u, mill-banda l-oħra, il-ħarsa profonda bħal donnha tmur ferm ’il bogħod. Imbagħad jagħti tnejn bi spallejh, bħal donnu qed isib il-pożizzjoni taħt il-madmad.
Sa mis-seklu 6 jidher li diġà kienet il-prassi li l-isqfijiet jiġu mlibbsa ċurkett li jesprimi r-rabta tiegħu mal-knisja lokali li biha ġie fdat, bħal donnha l-għarusa tiegħu. U, matul is-sekli, dan iċ-ċurkett żviluppa b’tali mod li sar ukoll is-siġill li bih l-isqof kien jissiġilla d-dokumenti uffiċjali. Dan kien jgħodd ukoll għaċ-ċurkett tal-Papa sal-1842. Madankollu, iċ-ċurkett li bih jitlibbes mhuwiex ċurkett imperjali, imma jissejjaħ iċ-Ċurkett tas-Sajjied għax, qabel kull awtorità temporali u ċivili li jista’ jkollu, il-Papa huwa s-suċċessur tal-Appostlu Pietru, is-Sajjied. U nazzarda ngħid li dan iċ-ċurkett b’xi mod jiġbor il-misteru kollu tal-ħarsa ta’ Papa Ljun XIV … u l-misteru ta’ kull vokazzjoni, wara kollox. Fil-fatt, qabel ma jlibbsu dan iċ-ċurkett, il-Kardinal Isqof jgħid hekk:
Missier Qaddis, Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj, l-Isqof u r-Ragħaj ta’ ruħna, li bena l-Knisja tiegħu fuq il-blata, huwa stess jagħtik iċ-Ċurkett siġill ta’ Pietru s-Sajjied, li ġarrab it-tama tiegħu fil-baħar tal-Galilija, u li lilu l-Mulej Ġesù tah l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet.
Illum inti tissuċċedi lill-appostlu San Pietru bħala Isqof ta’ din il-Knisja, li tippresiedi fuq l-għaqda tal-imħabba, kif għallem l-appostlu mqaddes Pawlu; l-Ispirtu tal-imħabba, li ġie msawwab fi qlubna, jagħti saħħa u ħlewwa lill-ministeru tiegħek biex i żżomm lil dawk kollha li jemmnu fi Kristu fil-komunjoni tal-għaqda.
U tassew, f’dak il-mument, bħal donnu r-Ragħaj-Sajjied, suċċessur ta’ Pietru, bħal dan l-Appostlu, kif laqgħa l-ewwel sejħa f’żgħożitu, hekk issa mill-ġdid jitħażżem bl-ilbies ta’ ragħaj u, għall-istqarrija ta’ mħabbtu, il-Mulej bi ħlewwa jordnalu biex jimxi warajh għax hu biss jekk jimxi warajh li hu jkun tassew fidil fit-tmexxija tal-poplu billi jwasslu għand Kristu, li hu t-Triq, il-Verità, u l-Ħajja.