Kif ninsabu fil-jiem bejn iċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, il-festa tal-Appostlu Tumas, u l-Evanġelju tal-Erbatax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ) li fih se naraw lill-Imgħallem jibgħat lit-tnejn u sebgħin dixxiplu tiegħu tnejn tnejn qablu f’kull post fejn kien se jmur, ma jistax ikun li ma niqfux naħsbu dwar l-appostolat, dwar il-Mulej li jagħżel persuni mhux biex iħallihom f’post statiku imma biex jibgħathom.

L-istess kelma “appostlu” ġejja mill-verb bil-Grieg apostelló (ἀποστέλλω), li litteralment ifisser li żżomm ’il bogħod u allura li tibgħat, li tibgħat ’l hemm, li tibgħat xi mkien ieħor, li tibgħat lil xi ħadd fuq missjoni. Fil-fatt, il-kelma “appostlu” fit-Testment il-Ġdid ma tindikax l-iktar wieħed minn dawk it-tnax-il raġel li Ġesù għażel bħala dixxipli u kollaboraturi stretti tiegħu. Għalkemm ingħataw l-isem ta’ “Appostli,” l-Evanġelisti jirreferu għal dawn iktar bħala t-Tnax. L-appostli fil-Knisja tal-bidu kienu dawk kollha li komunità ta’ fidi ħajja kienet tibgħat—ġeneralment tnejn tnejn ukoll—sabiex jaqsmu ma’ oħrajn dik l-istess ħajja li rċevew huma mingħand Ġesù.

Bis-siġill tad-don tal-Ispirtu s-Santu fis-Sagrament tal-Griżma tal-isqof, bl-istess mod, is-sejħa biex inkunu appostli, xandara, xhieda, mibgħuta b’missjoni, hija tagħna wkoll. Hija parti mill-identità Nisranija tagħna għax kif jista’ jkun li l-ferħ tal-laqgħa ma’ Kristu jħallina komdi fir-rokna tagħna u kuntenti bih waħedna biss! Tassew, mhux kull Nisrani huwa appostlu bħala magħżul u mibgħut speċjali. Imma lkoll, b’dak kollu li naħsbu, ngħidu, u nagħmlu, aħna dawn ix-xhieda ħajja li, skont il-post tagħna fid-dinja u fil-Knisja, inħejju l-qlub għal Kristu u nwasslulhom il-kelma tas-sliem!