F’dan ix-xahar ta’ Ottubru li, permezz tat-talba tar-Rużarju, inqattgħuh b’idna f’dik ta’ Marija, bl-istess mod, bħal meta marret tħaffef lejn l-għoljiet biex iżżur lil qaribtha Eliżabetta sabiex taqdiha imma wkoll taqsam magħha l-ħwejjeġ tal-għaġeb li Alla kien qed iwettaq fiha u biha, flimkien magħha aħna wkoll niġru tul it-toroq tad-dinja aħna u nfakkru d-99 Ġurnata Missjunarja Dinjija. F’din is-sena ta’ Ġublew din il-ġirja minn pellegrini tat-tama trid twassalna biex insiru wkoll missjunarji tat-tama. Għax, kif tista’ tgħid li tassew iltqajt mal-Mulej u ġarrabt il-ħlewwa ta’ ħnintu u mħabbtu, jekk din il-laqgħa ma tfurx ’il barra, jekk it-triq lura mill-pellegrinaġġ ma ssirx triq kollha tama li tixgħel il-musbieħ tat-tama minn kull fejn tgħaddi!

Għaldaqstant, din is-sena l-Knisja qed tistedinna biex inkunu:

“missjunarji tat-tama fost il-ġnus”

Franġisku, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Missjoni, 25 ta’ Jannar 2025

Xi jfisser dan? Ifisser li, “fuq il-passi ta’ Kristu l-Mulej, l-Insara msejħin biex jittrażmettu l-Bxara t-Tajba billi jaqsmu fil-kundizzjonijiet konkreti tal-ħajja ma’ dawk li jiltaqgħu magħhom u hekk isiru ħabbara u bennejja tat-tama” (ibid.). Ifisser li fil-konkret ngħixu dak li afferma b’tant qawwa l-Konċilju Vatikan II, jiġifieri li “l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu, huma wkoll il-hena u t-tama, in-niket u ttħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom” (Gaudium et Spes, par. 1).

Ejjew, għalhekk, b’dan kollu f’qalbna—il-ferħ u n-niket tagħna imma wkoll ilferħ u n-niket tal-bnedmin kollha—induru lejn il-Mulej Ġesù, “li fil-ħniena kbira tiegħu raġa’ wilidna għal tama ħajja bil-qawmien” tiegħu mill-imwiet (ara 1 Pt 1, 3), u niġru miegħu tul it-toroq tad-dinja. Induru lejh biex nixorbu mill-għajn tal-ħajja tal-Kelma u s-Sagramenti sabiex it-tama li noffru tkun it-tama li rċevejna minn Alla, u bħalu noffruha bis-sempliċità lill-oħrajn billi nwasslulhom l-istess faraġ li bih Alla jfarraġ lilna (ara 2 Kor 1, 3-4). Jeħtieġ li mill-ġdid nerġgħu npoġġu tamitna fih, u, f’din il-qagħda, imbagħad tassew inkunu nistgħu nitniehdu għall-ġnus kollha sabiex verament hu biss ikun it-Tama waħdanija tal-bnedmin kollha.

Ritratt meħud minn https://missio.org.mt/donate/projects/health/gm2025/