Il-festa solenni li nagħmlu biex nagħtu ġieħ għall-merti tagħhom lill-qaddisin ta’ Alla kollha f’daqqa u t-tifkira solenni tal-fidili mejtin fl-ewwel jumejn ta’ Novembru bħal donnhom jintunaw l-ispirtu u d-devozzjoni ta’ dan ix-xahar fuq in-nota tar-realtà tal-mewt u ta’ dak li jiġi wara … Sinfonija li tagħlaq proprju bis-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu, ta’ dak li miegħu se tlaqqagħna l-mewt, hekk li l-melodija, għalkemm forsi xi ftit kiebja, hija waħda ta’ tama u serenità għax, aħna li nemmnu, nafu min hemm tassew jistenniena fi tmiem dan il-vjaġġ: Ġesù Kristu. Mhux ta’ b’xejn, fl-innu ta’ tifħir Te Deum, il-Knisja tgħanni:

Aħna nemmnu *
li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *
li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *
fil-glorja ta’ dejjem.

F’LArloġġ tat-Talb, għall-ħin tat-8:00 a.m. San Ġorġ Preca lill-membri tas-soċjetà li waqqaf riedhom jieqfu biex jimmeditaw dwar in-Novissmi, jiġifieri l-aħħar ħwejjeġ. Meditazzjoni qasira, konċiża, imma tassew mimlija bit-tifsir:

Żgur li mmut. Meta ma nafx. U darba biss. Malli mmut inkun iġġudikat fuq għemili ta’ ħajti kollha, u s-sentenza li tmissni tkun żgur waħda minn dawn it-tnejn: jew tgawdija eterna, jew tbatija eterna.

Dun Ġorġ kien ukoll jirrifletti dwar dawn l-aħħar ħwejjeġ billi jisħaq li min jaħseb fihom ma jidneb qatt—frażi li probabbilment niftakruha mill-klassijiet tal-katekeżi fl-oqsma tal-M.U.S.E.U.M.

Filwaqt li nkomplu nitolbu għall-għeżież mejtin tagħna sabiex il-Mulej ma jdumx ma jdaħħalhom fl-hena tiegħu ta’ dejjem, jalla dan ukoll ikun żmien għalina li niftakru li aħna wkoll irridu xi darba mmutu u ngħaddu minn dan kollu. Però jalla wkoll dan il-ħsieb ma nħalluhx iddaħħalna fi ċrieki ta’ swied u qtigħ ta’ qalb, imma f’dawn il-ġimgħat inġeddu l-fidi tagħna fil-qawmien tagħna għall-ħajja permezz ta’ dak li hu l-Alfa u l-Omega, il-Bidu u t-Tmiem, u nħallu l-ħajja tagħna tiġi mġedda minn din l-istqarrija ta’ fidi.