Iċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien Kollu, ta’ din is-sena hija l-mitt waħda minn meta ġiet stabbilita imwaqqfa fl-1925 mill-Papa Piju XI permezz tal-enċiklika Quas Primas. Il-Papa stabbilixxa li din il-festa għandha tiġi ċċelebrata fid-dinja kollha, kull sena, fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru, u allura Ħadd qabel il-festa tal-Qaddisin kollha. Il-Papa ordna wkoll li, f’din il-ġurnata, l-Insara kull sena kellhom iġeddu l-konsagrazzjoni tagħhom u tad-dinja lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

Din il-festa twaqqfet fi żmien ta’ taqlib madwar id-dinja kollha, xi drabi konsegwenza taċ-ċaħda tal-fidi sew fuq il-livell personali u sew fuq il-livell kollettiv. Il-kuntest ta’ wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, barra nuqqas ta’ paċi dejjiema bejn il-popli, kien ukoll immarkat minn proċess iktar mgħaġġel ta’ sekularizzazzjoni—xi minn daqqiet aggressiv u aħrax—u witta t-triq għal ideoloġiji estremi li kienu ostili għall-istituzzjoni ekkleżjastika u saħansitra wasslu għal attakk fuq id-dinjità ta’ kull bniedem—realtajiet li ddeġeneraw u wasslu għal konflitt mondjali ieħor.

F’dan l-isfond politiku, il-Papa Piju XI ħass il-ħtieġa li jenfasizza bil-qawwa s-sovranità ta’ Kristu fuq id-dinja kollha u jfakkar kif l-ebda awtorità ma setgħet tinfired minn Alla.