Barra r-rakkont li nsibu fl-Evanġelji sinottiċi—jiġifieri dawk skont San Mattew, San Mark, u San Luqa—il-Liturġija tal-festa tat-Trasfigurazzjoni tfakkarna wkoll f’silta oħra fit-Testment il-Ġdid li fiha nsibu rrakkuntata fl-ewwel persuna plural, minn idejn xi ħadd li kien preżenti u xehed għal din il-bidla tal-għaġeb. Fit-Tieni Ittra ta’ San Pietru—probabbilment indirizzata lill-knejjes tal-Asja Minuri fit-Turkija tal-lum bħall-ewwel ittra (ara 2 Pt 3, 1)—l-awtur jikteb hekk:

Aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa ta’ Sidna Ġesù Kristu u dwar il-miġja tiegħu. Rajna b’għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu meta hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieħ u sebħ, u leħen mit-Tron Glorjuż instama’ jgħid għalih: “Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq.” Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa. U hekk għandna mwettqa aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu.

2 Pietru 1, 16-19

Hawnhekk Pietru jurina biċ-ċar li ma baqax imwaħħal mal-ħolma u x-xewqa ġenwina li ħass li dak il-mument jibqa’ għal dejjem, meta qal: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija” (Mt 17, 4). Sakemm kiteb din l-ittra—jew xi ħadd ieħor f’ismu—Pietru kien ġrieha sew it-triq biex mill-muntanja mqaddsa tat-trasfigurazzjoni jterraq wara l-Mulej, jerġa’ lura lejh wara l-qawmien ukoll jekk ċaħdu meta din il-glorja nbidlet fit-traġedja tas-salib, u ġera u vvjaġġa sakemm wasal Ruma fejn hu wkoll ħalla jseħħ fih il-paradoss tal-Kalvarju!

Fit-talba saċerdotali waqt l-aħħar ċena, Ġesù b’ħarstu ’l fuq jistqarr: “Missier, waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek biex l-Iben jagħti glorja lilek” (Ġw 17, 1). Għax, tassew, id-dija tat-Trasfigurazzjoni kienet togħma ċkejkna minn qabel tal-glorja tiegħu li dehret fl-aqwa tagħha meta kien minxur ma’ għuda bejn sema u art! Hemmhekk tassew rajna sebħu. Hemm rajna l-ikbar imħabba. Hemm, f’dik l-għajta li venvnet mal-erbat irjieħ tad-dinja iktar mill-ħoss tar-ragħad, smajna l-Kelma per eċċellenza: in-nifs tal-agunija li miegħu ħarġet l-ikbar stqarrija tal-fedeltà tiegħu għall-pjan tas-salvazzjoni moħmi fil-qalba tat-Trinità. Mhux ta’ b’xejn li l-Evanġelista Ġwanni jwasslilna din l-istqarrija mill-iktar qawwija tiegħek bħala l-Kelma tal-Missier magħmula laħam: “Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu u li minn rajja ma nagħmel xejn, imma li nitkellem skont ma għallimni l-Missier. U min bagħatni huwa miegħi, ma telaqnix waħdi, għax jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu” (Ġw 8, 28-29).

Jalla tassew nilqgħuh il-kmand tal-leħen li Pietru u sħabu semgħu ġej mit-Tron Glorjuż: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu” (Mt 17, 5).