Nhar it-3 ta’ Lulju, il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Appostlu Tumas, “wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi” (Ġw 20, 24). “Tumas” u “t-Tewmi” donnhom sempliċi isem u laqam li jgħinu biex jidentifikaw dan il-personaġġ. Imma xejn fil-Kelma ta’ Alla mhu mingħajr tifsira iktar profonda. Kemm l-isem, kif ukoll il-laqam—bil-Grieg Δίδυμος (Didumos)—it-tnejn ifissru l-istess: it-tnejn ifissru t-tewmi.

Min hu t-tewmi? It-tewmi huwa dak li sa mill-ġuf qatt ma kien waħdu. It-tewmin, l-aktar dawk identiċi, mhumiex kapaċi jgħaddu mingħajr xulxin. Imorru fejn imorru u jagħmlu x’jagħmlu, it-tewmin dejjem għandhom ħuhom jew oħthom. U, tul l-Evanġelju skont San Ġwann, nistgħu nistħajlu li Tumas jgħix ir-relazzjoni tiegħu ta’ dixxiplu ma’ Ġesù proprju f’din id-dinamika. Meta jmut Lazzru u Ġesù jiddeċiedi li, xorta waħda jmur Betanja għand Marija u Marta minkejja l-periklu, lil sħabu Tumas jgħidilhom: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu” (Ġw 11, 16). Kien lest li jmut ma’ Ġesù imma ma kienx lest jibqa’ waħdu. U, fl-aħħar ikla, meta Ġesù jgħidilhom li kien sejjer lura għand il-Missier, Tumas ma riedx jibqa’ mingħajr dak li sar in-nofs l-ieħor tal-ħajja tiegħu hekk li jgħidlu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” (Ġw 14, 5).

Imma, wara l-passjoni, dan it-tewmi jisfa waħdu u jiżola ruħu. Ħajtu kienet donnha spiċċat, hekk li ma jibqax moħbi beżgħan mil-Lhud. Setgħu joqtluh jekk riedu. Wara kollox, fil-ħin tal-prova falla u ħarab minn dak li tant sar għażiż għalih. U dak li jitlob Tumas mid-dixxipli, meta jsibhom ċassi fejn ħalliehom, mhuwiex frott ix-xettiċiżmu—ma jeskludix il-possibbiltà tal-qawmien mill-imwiet, u bħala Lhudi kien jemmen fil-qawmien tal-aħħar mill-imwiet. Tumas jesiġi li jara l-pjagi biex jemmen konsegwenza ta’ fidi ikbar, frott xi ħaġa li dan id-dixxiplu, b’mod konxju jew le, kien diġà fehem: li biex ikun ċert li dak li kien qiegħed jara kien Ġesù, ried jara u jmiss il-pjagi. L-oħrajn iddeskrivewlu l-glorja, imma hu ried jara l-pjagi!

Permezz tad-dinjità mogħtija lilna fil-Magħmudija, bħal Tumas aħna wkoll qisna sirna tewmin mal-Mulej, ħutu fl-umanità u wlied adottivi tal-Missier fih u miegħu. Li nkunu tassew Insara jfisser li ma nħallu xejn jifridna minnu. U din hija l-missjoni Nisranija fl-essenza tagħha: li nsiru dejjem iktar nixbhu lilu, hekk li suppost, meta d-dinja tħares lejn in-Nisrani, hija tilmaħ b’ċarezza lill-Imgħallem.

Fil-frattemp, hemm it-tmint ijiem—is-sebat ijiem mill-bidu ta’ ħolqien ġdid permezz tal-qawmien ta’ Ġesù, u mill-ġdid l-ewwel jum li fih sa mill-bidu l-komunità Nisranija kienet tiltaqa’ flimkien biex tiċċelebraw l-mewt u l-qawmien tiegħek fl-Ewkaristija. Huwa anke r-ritmu li jimmarka l-ħajja tagħna, mhux l-aktar soċjalment daqskemm spiritwalment. U bejn Ħadd u ieħor aħna ningħataw iċ-ċans biex dejjem insiru dawn l-aħwa tewmin miegħu li fl-Ewkaristija jingħaqdu ħaġa waħda miegħu sabiex, fi tmiem il-quddiesa, niġu mibgħuta nwassluh bil-preżenza trasparenti tagħna.