Waħda mit-tradizzjonijiet ferm antiki, u li għadha sal-lum tagħmel parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ nhar l-Imnarja, hija t-tiġrijiet. It-tiġrijiet kienu element komuni f’ħafna mill-festi lokali. Illum għadhom isiru biss it-tiġrijiet taż-żwiemel, imma dari kienu anke jsiru tiġrijiet tal-ħmir, tfal, irġiel u skjavi. Jidher li dawn it-tiġrijiet li jsiru wara nofsinhar fit-triq li mis-Saqqajja tagħti għas-Siġġiewi—Triq it-Tiġrija—dejjem kellhom importanza kbira għall-poplu. Dan jixhed għalih l-istoriku tas-seklu 18, il-Kanonku Agius de Soldanis, li ma kellux kliem ħelu dwar is-sigħat twal li n-nies kienu lesti li jagħmlu fix-xemx f’kuntrast man-nuqqas ta’ sabar waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Tiskanta kif ċerti drawwiet ftit li xejn jinbidlu matul is-sekli!

Fi tmiem dawn it-tlielaq, il-Gran Mastru kien jippreżenta l-palijiet bħala premju lir-rebbieħa. Oriġinarjament, dawn il-palijiet kienu jitqassmu minn loġġa tal-injam fit-tarf ta’ Triq it-Tiġrija. Lejn l-aħħar kwart tas-seklu 17, saru pjanijiet biex tinbena struttura permanenti. Id-disinn tal-loġġa sar minn Lorenzo Gafa u tlestiet fl-1696.

Barra din id-data, mal-ħajt ta’ wara tal-loġġa fuq ġewwa hemm ukoll kitba bil-Latin, li tgħid: CUI LEGITIME CERTAVIT—kliem li jirreferi għal dak li San Pawl jikteb fit-Tieni Ittra lil Timotju, meta jgħid: “Hekk ukoll l-atleta ma jiħux il-premju jekk ma jkunx mexa skont ir-regoli” (2, 5). Din mhijiex l-unika darba li San Pawl juża t-tixbiha tal-kompetizzjonijiet atletiċi biex ifisser il-ħajja nisranija. Bħalma nsibu fl-Ittra lill-Filippin, fejn it-tmiem tal-ġirja hu abbinat mal-għan aħħari tal-ħajja nisranija: il-laqgħa ma’ Kristu (Fil 3, 14). Hu għalhekk ukoll li lill-Korintin jinsisti magħhom li, jekk l-atleti jistinkaw għal premjijiet li jisfaxxaw fix-xejn, kemm aktar għandna nitħabtu aħna meta nafu li dak li ser nirbħu ma jista’ jeħodulna ħadd u ma jispiċċax (1 Kor 9, 24-27).

Jalla aħna wkoll, fir-rankatura tal-ħajja, ma ninqabdux nitħabtu għal xejn jew għal dak li ma jibqax, imma bħal San Pawl inkunu nistgħu ngħixu fis-serenità li, f’dak kollu li nagħmlu, qegħdin nitqabbdu t-taqbida t-tajba biex intemmu l-ġirja u nħarsu sal-aħħar il-fidi (2 Tim 4, 7).