F’nofs l-evanġelju tiegħu, l-Evanġelista Luqa jikteb:

“Sa żmien Ġwanni kien hemm il-Liġi u l-Profeti; minn żmien Ġwanni ʼl hawn qiegħda tixxandar is-Saltna ta’ Alla”

Ġwanni 16, 16

Għal Luqa, Ġwanni l-Battista huwa ċ-ċappetta tal-bieb bejn it-Testment il-Qadim, bil-protagonisti ewlenin “il-Liġi u l-Profeti,” u t-Testment il-Ġdid, bil-protagonist ewlieni Kristu Ġesù. Imma dak l-irwol nissel fazzjonijiet fil-Poplu ta’ Iżrael, li kienu jżommu lil Ġwanni bħala l-Messija (3, 15). Għalhekk id-dixxipli jitolbu lil Ġesù jgħallimhom jitolbu “bħalma Ġwanni għallem lid-dixxipli tiegħu” (11, 1). Il-Fariżej u l-Iskribi jlumu lil Ġesù li d-dixxipli tagħhom u ta’ Ġwanni l-Battista jsumu u jitolbu imma tiegħu ma jsumux (5, 33). Imma Ġwanni stess jiċħad u jgħid:

“Intom stess tistgħu tixhdu li jiena għedtilkom li ‘Jien m’iniex il-Messija,’ imma biss li ‘jien kont mibgħut qablu’”

Ġwanni 3, 28

San Luqa, għalhekk, jagħti ħafna importanza lit-twelid ta’ Ġwanni, imma biex jikkuntrastah ma’ dak ta’ Ġesù. Waqt li Żakkarija m’għandux jibża’ għax it-talba tiegħu instemgħet (1, 13), Marija m’għandhiex tibża’ għax sabet grazzja quddiem Alla (1, 30). Isem Ġwanni (Joħanàn) ifisser ‘Alla ħanin’; dak ta’ Ġesù (Jexuàq): ‘Alla salvatur’ (Mt 1, 21). Ġwanni kellu jkun dak li jħejji t-triq għall-Mulej (1, 76); Ġesù: Bin Alla, isaltan għal dejjem, u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu (1, 32-36). Ġwanni jkun mimli bl-Ispirtu s-Santu (1, 15-17), imma Ġesù jkun kbir u jissejjaħ Bin Alla (1, 32-33), ikun qaddis (1, 34-36). It-tifel Ġwanni kiber u ssaħħaħ fl-ispirtu (1, 80), imma Ġesù baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf, u l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu (2, 40). Fuq kollox, Ġwanni, li lanqas biss jistħoqqlu jħoll il-qfieli ta’ qorq Ġesù, jgħammed lin-nies bl-ilma, imma Ġesù jgħammed bl-Ispirtu s-Santu u n-nar (3, 16).