
Il-Glorja ta’ San Franġisk
L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Apoteosi ta’ San Franġisk fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Valletta
Waħda mill-knejjes ferm iffrekwentati fil-Belt Valletta—anke minħabba l-post fejn tinsab fi Triq ir-Repubblika—hija l-knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali ddedikata lil San Franġisk ta’ Assisi. L-ewwel ħaġa li tolqtok xħin tidħol f’din il-knisja kemxejn mudlama hija t-tila enormi li ssib fuq rasek, xogħol l-artist Malti Giuseppe Calì u li tirrappreżenta d-dħul ta’ San Franġisk fil-glorja tas-sema. Din il-pittura flimkien mad-dekorazzjoni tal-bqija tas-saqaf ġiet inawgurata fl-1907, bi tħejjija għall-festi ċentinarji mit-twaqqif tal-Ordni fl-1209. U jixraq li, tul din is-sena ġubilari ddedikata lill-fqajjar ta’ Assisi, nagħtu ħarsa lejn din it-tila immensa, xogħol l-artist Malti Giuseppe Calì.
Calì kellu rwol importanti fl-iżvilupp tad-dekorazzjoni tal-knejjes Maltin. Kien hu li introduċa tendenzi u influwenzi ġodda fix-xenarju artistiku Malti li kien xi ftit jew wisq staġnat. Din ix-xena tal-Apoteosi ta’ San Franġisk turi influwenzi ta’ Verismo u prinċipji Romantiċi, flimkien mal-użu ta’ konvenzjonijiet Barokki u l-influwenza ta’ Pietro Galiardi fl-għażla ta’ kuluri delikati.
Il-maġġoranza assoluta tal-figuri għandhom il-ħarsa tagħhom iffukata fuq il-figura ta’ San Franġisk, b’mod partikolari l-qaddisin u l-anġli li hemm fis-sema, fosthom Marija Santissima, San Ġużepp, San Pietru u San Pawl, San Duminku, u San Publija (jintagħraf mill-ilbies episkopali tiegħu u l-palma tal-martirju). Imma San Franġisk mhuwiex eżatt fiċ-ċentru tal-pittura: fin-nofs hemm il-wisa’ bejn San Franġisk u Ġesù li wkoll qiegħed iħares lejh sabiex idaħħlu fil-glorja tal-Missier.
Il-linja djagonali bejn San Franġisk b’idejh miftuħa beraħ, bħal donnu lest biex iħaddan l-imħabba ta’ ħajtu, u Ġesù bil-kurċifiss f’idu l-leminija u b’idu x-xellugija wkoll miftuħa tifforma l-qalba ta’ din il-pittura. Din il-laqgħa hija l-glorja vera ta’ San Franġisk.
Dak li ltaqa’ miegħu mislub u mħaddan minn serafin fuq il-muntanja La Verna issa qed jiltaqa’ miegħu wiċċ imb wiċċ irxuxtat u rebbieħ, ukoll jekk xorta waħda bil-pjagi, mhux iżjed inixxu imma bħal donnhom, flimkien mas-salib, isiru t-trofew tar-rebħa. Din hija s-seħħa fil-milja tagħha tal-esperjenza mistika ta’ San Franġisk fuq La Verna.
Hu glorja ta’ Alla l-bniedem ħaj u hi l-viżjoni ta’ Alla l-ħajja tal-bniedem.
San Irinew, Kontra l-Ereżiji, 4.20.7 (PG 7.1037)
Xi nqis bħala l-glorja tiegħi? Qiegħed infittixha fil-Mulej? Qiegħed inħalli l-pjagi tiegħi jiltaqgħu ma’ tiegħu biex hekk minnhom toħroġ il-ħajja?



