Wara li fl-aħħar jiem iċċelebrajna żewġ festi li jfakkru l-anġli, tajjeb li nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq il-figuri anġeliċi li jdawru lil Kristu u lix-xbieha allegorika tal-Knisja fil-kwadru ċentrali tas-saqaf tal-kor tal-Katidral tal-Imdina.
Taħt riġlejn Kristu hemm żewġ puttini bħal donnhom qed jippreżentaw ċestin bil-qamħ u l-għenieqed tal-għeneb bħala offerta għall-Ewkaristija. Il-moviment ta’ dawn l-anġli huwa f’kuntrast mal-moviment tal-anġlu u l-puttin eżatt taħthom li qegħdin jgħattu b’velu t-tagħmir tal-kult tal-Patt il-Qadim għaliex Kristu, il-medjatur tal-Patt il-Ġdid (Lhud 9, 15), “daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem” (Lhud 9, 12).
Fl-istess waqt, fil-kantuniera ta’ fuq tan-naħa tax-xellug insibu żewġ anġli li qed iħarsu lejn il-misteru ta’ Kristu u l-Knisja: wieħed liebes l-aħdar biex ifakkar ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, u l-ieħor liebes l-abjad b’sinjal tat-traxxendenza spiritwali. U, fuq ix-xellug stess, fin-naħa ta’ isfel, hemm figura maskili f’qagħda ta’ xi ħadd qed jaħseb u bil-ħarsa ’l barra. Din il-figura ddaħħal lilna spettaturi fil-kontemplazzjoni ta’ dan il-misteru imma fl-istess ħin tfakkarna li bl-ebda mod ma nistgħu naħkmu l-misteru kbir ta’ bejn Kristu u l-Knisja tiegħu li minnu lkoll nagħmlu parti (ara Ef 5, 32).