Bħall-Mewt Qawwija l-Imħabba

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Pittura tal-Agunija ta’ San Ġużepp meqjuma fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi

Qegħedni bħal siġill fuq qalbek,

siġill fuq driegħek.

Għaliex bħall-mewt qawwija l-imħabba;

daqs Art l-Imwiet hi kiefra l-għira;

ix-xrar tagħha xrar tan-nar,

nar tal-Mulej.

Ilmijiet kbar mhuma sa jaslu qatt

biex jitfu l-imħabba,

lanqas ix-xmajjar ma jġorruha magħhom.

Il-bniedem li jrid jagħti

l-ġid kollu ta’ daru

biex jixtri l-imħabba tmaqdir isib.

Għanja tal-Għanjiet 8, 6-7

Ninsabu fix-xahar li hu marbut mat-tifkira tal-mejtin, liema tifkira xi ftit jew wisq iddaħħalna fir-riflessjoni dwar il-mewt minn perspettiva nisranija. Qegħdin ukoll noqorbu lejn tmiem is-sena speċjali ddedikata lil San Ġużepp. Għaldaqstant, f’dawn il-ġimgħat ser inpoġġu quddiemna għar-riflessjoni l-pittura tal-Agunija ta’ San Ġużepp li nsibu fil-Knisja Parrokkjali tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi, attribwita lil Ġannikol Buhagiar.

Il-Knisja tqim lil Ġużeppi bħala l-patrun tal-mewta tajba (KKK par. 1014) u wkoll tal-agonizzanti proprju għax fil-mument tal-mewt tiegħu hu kien akkumpanjat minn Ġesù u Marija—f’din il-pittura t-tnejn imlibbsin bl-ilwien tipiċi tal-aħmar u l-ikħal, f’kuntrast mal-għera ta’ Ġużeppi. Però l-linja li wieħed jista’ jimmarka bejn il-ħarsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi tikxef li din l-esperjenza ta’ Ġużeppi ma kinetx biss marbuta mas-siegħa ta’ mewtu imma kienet il-mod kif għex ħajtu. Dak li matul ħajtu ħares lill-Feddej u lil Ommu, issa jinsab imħares minnhom. Dak li kien lest jitbiegħed hu biex iħares il-ħajja tal-għarusa tiegħu, u kien lest iterraq ’il bogħod minn artu sabiex isalva minn ħalq il-mewt lil dak li ġie biex isalva d-dinja, issa hu akkumpanjat minnhom fl-aħħar parti tal-vjaġġ tal-ħajja tiegħu. Hu għalhekk li l-liturġija fis-Solennità ta’ San Ġużepp tgħanni:

Hi l-mewt li tissiġilla l-ħajja mseddqa

tal-magħżulin li l-Għoli jsejjaħ miegħu;

int iżda f’ħajtek stess titgħaxxaq b’Alla,

   meqjus bħal ibnek f’darek.

Innu tal-Għasar tas-Solennità ta’ San Ġużepp

Il-fidi tagħna hija fi Mħabba li għaddiet saħansitra mill-mewt għalina. Kif tgħix ir-rabtiet tiegħek ta’ mħabba fid-dawl ta’ dan? Ir-rabtiet tiegħek huma msejsa fuq imħabba li tmur lil hinn mil-limiti ta’ din id-dinja proprju għax tagħraf tgħix fihom bħala ftuħ flok bħala għeluq?