Illum titwieled Verġni u titħejja biex tkun Omm Alla

It-Tielet Riflessjoni: Sant’Anna tikkontempla l-privileġġi tal-Verġni Marija, ta’ Francesco Zahra

U deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha. Hija kienet fit-tqala, u bdiet tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas u tbati biex teħles … U hi wildet iben, tifel, li kien għad irid jirgħa l-ġnus b’xettru tal-ħadid.

Apok 12, 1-2. 5

Barra l-anġlu Gabrijel li qiegħed jisħaq ras ix-xitan, hemm elementi oħra f’dan il-kwadru li permezz tagħhom Zahra jikkumplimenta t-tema Marjana tal-kwadru. Flimkien ma’ Sant’Anna, l-iktar figura prominenti fil-pittura hija dik tal-anġlu li hemm għarkupptejh quddiemha. L-anġlu hu mlibbes bl-ilwien aħmar u ikħal, l-ilwien tipiċi ta’ Kristu u li jirrappreżentaw iż-żewġ naturi tiegħu, dik umana u dik divina. Filwaqt li l-ħarsa ta’ Sant’Anna hija msammra fuq il-leġġiju fil-għoli, il-ħarsa ta’ dan l-anġlu hija mdawra kemxejn ’l isfel lejn il-ġuf mimli ta’ Sant’Anna li fuqu għandu l-iskrizzjoni Ave Maria Regina fuq sfond jiddi. Għal ħafna snin, din l-iskrizzjoni kienet mgħottija u reġgħet inkixfet wara xogħol ta’ restawr li sar riċentement. L-anġlu qiegħed ukoll iżomm b’idejh it-tnejn djadema ta’ tnax-il kewkba, bħal donnu qed jistenna biex ikun jista’ jxiddha lil Marija—referenza oħra għad-dehra tal-Mara ta’ Kapitlu 12 tal-Ktieb tal-Apokalissi. Dawn is-simboli jkomplu joħorġu r-rabta intima li hemm bejn it-twelid ta’ Marija u l-misteru tal-Inkarnazzjoni, bejn il-ġrajja tal-individwu (f’dan il-każ, ta’ Marija) u l-ġrajja tal-umanità kollha. Kif josserva Sant’Andrija ta’ Kreta f’waħda mill-omeliji tiegħu:

Illum titwieled Verġni, titredda’ u titrabba, u titħejja biex tkun Omm Alla, omm is-sultan taż-żminijiet kollha … illum inħalaq u beda jinbena tempju xieraq għal dak li ħalaq kollox; illum tħejjiet għamara ġdida u tassew tixraq lil Dak li għamel kollox.

PG 97.806-810

Inti u terġa’ tħares lejn il-ħajja tiegħek, agħraf li l-ġrajja mhijiex tiegħek biss imma, permezz tiegħek, qed tinkiteb ukoll il-ġrajja ta’ ħafna oħrajn, filwaqt li l-ħajja tiegħek hija minsuġa bi ħjut ta’ ħajjiet oħra. Hemm ftuħ għal dak li Alla jrid jagħmel permezz tiegħek għall-oħrajn u għal dak li Alla qed jagħmel f’ħajtek permezz tal-oħrajn?