Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum l-Erbgħa 13 ta’ Ottubru.
Salm 145 (146)
Il-Hena ta’ min jittama fil-Mulej Infaħħru l-Mulej tul ħajjitna kollha, jiġifieri, infaħħruh bl-imħabba tagħna. (Arnobju)
Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej! † Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha; * ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.
La tittamawx fil-kbarat, * għax il-bniedem ma jsalvakomx. Malli toħroġ ruħu, lejn l-art jerġa’ jmur; * jintemmu dakinhar ħsibijietu.
Hieni min f’Alla ta’ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu, * min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu, li għamel is-sema, l-art u l-baħar, * u kulma jinsab fihom; hu li jżomm kelmtu għal dejjem, † li jagħmel ħaqq lill-maħqurin, * u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin; * il-Mulej li jiftaħ għajnejn il-għomja; il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin; * il-Mulej li jħobb lill-ġusti; il-Mulej li jħares lill-barranin; † hu li jżomm lill-iltim u lill-armla, * imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem; * Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.
Glorja.
Ant. 3: Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha.
Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt.