Għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha

Il-Wieħed u Tletin Ħadd ta’ Matul is-Sena B

Kolletta

O Alla ħanin li tista’ kollox, minnek ġej li l-fidili tiegħek jagħtuk servizz xieraq u ta’ ġieħ: agħmel li, mingħajr ebda tfixkil, inħaffu biex niksbu l-wegħdiet tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Isma’, o Iżrael: Ħobb lill-Mulej b’qalbek kollha.
Dewt 6:2-6

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Ibża’ mill-Mulej, Alla tiegħek, billi int, ibnek u bin ibnek, tħarsu dejjem il-liġijiet u l-kmandamenti kollha tiegħu, li jien qiegħed nagħtik, biex ikollok għomor twil.

Isma’, o Iżrael, u ħu ħsieb agħmilhom, biex ikollok il-ġid u toktor ħafna, bħalma wiegħed il-Mulej, Alla ta’ missirijietek, li jagħtik art tnixxi ħalib u għasel.

Isma’, o Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha. Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 17:2-3a,3bċ-4,47,51ab

R/.(2): Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!
Il-Mulej blata tiegħi,
fortizza u ħellies tiegħi! R/.

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,
qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!
Insejjaħ il-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi. R/.

Ħaj il-Mulej! Imbierek hu, il-blata tiegħi!
Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!
Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,
juri mħabbtu mal-midluk tiegħu. R/.

Ġesù għandu saċerdozju li ma jintemm qatt.
Lhud 7:23-28

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, dawk tal-imgħoddi kienu jsiru qassisin f’għadd kbir, għax minħabba fil-mewt ma kinux jistgħu jibqgħu għal dejjem. Imma Ġesù, billi jibqa’ għal dejjem, għandu saċerdozju li ma jintemm qatt. Għalhekk ukoll huwa jista’ jsalva għalkollox ’il dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqa’ għal dejjem ħaj biex jidħol għalihom.

Dan hu, tabilħaqq, il-qassis il-kbir li kien jgħodd għalina: qaddis, innoċenti, safi, maqtugħ mill-midinbin, merfugħ ’il fuq mis-smewwiet; li ma għandux bżonn, bħall-qassisin il-kbar l-oħra, joffri kuljum is-sagrifiċċju, l-ewwel għad-dnubiet tiegħu stess, imbagħad għad-dnubiet tal-poplu. Dan hu għamlu darba għal dejjem, meta offra lilu nnifsu.

Għax il-Liġi tqiegħed bħala qassisin il-kbar bnedmin li huma dgħajfa; iżda l-kelma tal-ġurament, li ġiet wara l-Liġi, tqiegħed Iben, li ġie magħmul perfett għal dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14:23

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid Ġesù,
u Missieri jħobbu u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah.

Il-kmandament tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.
Mk 12:28b-34

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.

Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”.

Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Li l-imħabba hija l-qofol tal-ħajja nisranija u l-pedament tal-moralità nisranija huwa fatt magħruf minn kulħadd, insara u mhux. Għan-nisrani hija domma ta’ verità, u verità essenzjali ttimbrata fil-moħħ ta’ kull persuna mgħammda, anki jekk tilfet twemminha tul it-triq iebsa tal-ħajja. L-isfortuna hija li jista’ jkun li għal uħud din il-verità saret cliché u tilfet is-sinifikat veru tagħha fil-ħajja ta’ kuljum. Għax l-imħabba mhix faċli tfissirha u tartikola l-esperjenza tagħha, lil hinn mill-emozzjonijiet li tqanqal f’ġisimna, li jimbuttawna lejn jew ’il bogħod minn persuni oħra.

Imma l-imħabba hija biss l-effett ta’ kimika ta’ attrazzjoni? Dażgur li le. Hija ħafna aktar minn hekk. U Ġesù fuq dan jitkellem illum. Għax għalih il-proxxmu mhuwiex biss il-ħabib li taf jew kulmin għandek grazzja miegħu jew tħoss emozzjoni pożittiva lejh/a (is-sens tal-kelma ebrajka “rea” li tintuża’ fil-Levitiku),imma kull min huwa fiżikament viċin tiegħek f’ħajtek u għandu bżonn l-għajnuna tiegħek, għandek jew m’għandekx grazzja miegħu jew magħha, tafu jew ma tafux, ġeneruż u simpatiku jew mhuwiex (is-sens tal-kelma Griega “plesios” li tintuża’ fit-Testment il-Ġdid). Dawn huma nies li nħokku magħhom fuq il-postijiet tax-xogħol, fi gruppi soċjali varji, u anki fil-familji tagħna.

L-imħabba mhijiex biss emozzjoni imma titlob—anzi tesiġi—deċiżjoni favur il-magħkus, il-magħdur u l-fqir, l-antipatiku li m’għandekx demm miegħu, dak li ma jirreċiprokax pjaċir b’ieħor. Għalhekk, l-ewwel organu tal-ġisem uman li jsemmi Ġesù huwa l-qalb (“għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha”), għax għal-Lhud huwa fil-qalb li jittieħdu d-deċiżjonijiet u jiffurmaw l-attitudnijiet fundamentali li jwasslu għall-imġieba esterna. U hija għalhekk il-qalb li tagħġen l-identità tal-persuna.

Ġesù jorbot ukoll l-imħabba li wieħed għandu jkollu lejn Alla ma’ dik tal-proxxmu. Din tkisser id-dikotomija li dejjem għamilna bejn l-azzjonijiet li jwasslu għall-ewwel waħda u l-għemejjel li juru t-tieni. Le, Ġesù juri li dan m’għandux ikun. It-talb, iċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, il-qari u l-meditazzjoni tal-Iskrittura u d-devozzjonijiet kollha li għandna għandhom ikunu l-obbligazzjoni tagħna lejn Alla, filwaqt li l-opri tal-ħniena nagħmluhom meta u kif jidhrilna biex nagħtuh pjaċir, u forsi nsoddulu ħalqu wkoll xi kultant. Ġesù jridna nħobbu lill-proxxmu għax fih naraw lilu, u f’kull att ieħor ta’ fidi li nagħmlu niċċelebraw din l-imħabba flimkien mal-komunità nisranija. Hija l-imħabba kollha ħniena lejn l-ieħor li tiġġustifika u ssebbaħ kull ċelebrazzjoni liturġika, tagħti lit-talb valur, u tlaħħam Kelmet il-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum. Hekk, kull att ta’ mħabba jsir att liturġiku li jfaħħar u jrodd ħajr u jigglorifika ‘l Alla, u jqanqallu qalbu biex jimliena bil-barkiet u l-grazzja tiegħu.

Kemm tħossok maħbub minn Alla, anki meta l-imħabba tiegħu ma tarahiex fil-mumenti iebsin ta’ ħajtek? U meta tmissek din l-imħabba, x’tagħmel biha?

Talba

Minn qiegħ qalbna nitolbuk, Mulej, sabiex issawwab fuqna l-Ispirtu Qaddis tiegħek, li jagħtina l-grazzja li naraw lilek fl-ieħor, hu min hu, ġej minn fejn ġej, għandu jew m’għandux x’jagħti lura, simpatiku u ġentili jew mhux. Saffilna qalbna u mħabbitna biex jingħataw lill-proxxmu fl-istess sura u xbieha tiegħek, kif maħluqa minnek.

Ammen