Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!

It-Tletin Ħadd ta’ Matul is-Sena B

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Il-Mulej salva l-poplu tiegħu.
Ġer 31:7-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Dan jgħid il-Mulej:
“Għannu bil-ferħ għal Ġakobb,
sellmu lill-ewlieni fost il-ġnus.
Xandru, faħħru u niedu:
‘Il-Mulej salva l-poplu tiegħu,
il-fdal ta’ Iżrael’.

Arani, se nġibhom minn art it-tramuntana,
niġborhom minn truf l-art,
ilkoll kemm huma,
l-għomja u z-zopop,
in-nisa bit-tfal u n-nisa fil-ħlas:
kotra kbira terġa’ lura hawn.
Jiġu bil-biki,
imma nfarraġhom jiena u nġibhom lura.
Immexxihom lejn l-ilma ġieri,
minn mogħdijiet watja biex ma jitfixklux.
Għax jien missier għal Iżrael,
u Efrajm hu ibni l-kbir”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 125(126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6

R/.(3): Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna. R/.

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom”.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.

Biddel, Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.

Huma u sejrin imorru jibku,
iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura jiġu b’għana ta’ ferħ,
iġorru l-qatet f’idejhom. R/.

Int qassis għal dejjem.
Lhud 5:1-6

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Kull qassis il-kbir meħud minn fost il-bnedmin, hu mqiegħed għall-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, biex joffri doni u sagrifiċċji għad-dnubiet. Hu dak li jista’ jagħder ’il dawk li ma jafux u li jiżbaljaw, għax huwa mlibbes bid-dgħufija; u minħabba f’hekk għandu joffri sagrifiċċji għad-dnubiet tiegħu wkoll, bħalma joffrihom għad-dnubiet tal-poplu.

Ħadd m’għandu jieħu b’idejh dal-ġieħ għalih innifsu, imma biss min hu msejjaħ minn Alla, sewwasew kif kien imsejjaħ Aron. Għax hekk ukoll Kristu ma tax lilu nnifsu l-ġieħ li jkun il-qassis il-kbir, imma dan tahulu Alla, li qallu: “Ibni int; illum jien nissiltek”. U kif jgħid ukoll band’oħra: “Int qassis għal dejjem skont l-ordni ta’ Melkisedek”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Tim 1:10

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt
u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.
R/. Hallelujah.

Mgħallem, agħmel li jiena nara.
Mk 10:46-52

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”.

Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.

Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.

U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma. U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

F’dan l-Evanġelju għandna litteralment il-fidi għamja ta’ bniedem f’Ġesù Kristu. Fidi għamja bħall-fiduċja ta’ tfajjel ċkejken iżomm idejn ommu, persważ instintivament li se tieħu ħsiebu. Għalkemm ir-rakkonti ta’ fejqan ta’ għomja nsibuh fit-tliet Evanġelji Sinottiċi b’ħafna similaritajiet, l-isem tal-għama—Bartimew, li tfisser bin Timew—isemmih biss San Mark. Il-fatt li jsemmih b’ismu jurina li kien magħruf.

L-għama jisraq ix-xena bl-esklamazzjoni: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!” Meta Bartimew beda jgħajjat u jitlob l-għajnuna ta’ Ġesù, ma ħax tweġiba immedjata. Agħar minn hekk, ħafna nies qalulu biex jiskot. Kien ikun faċli għalih li jaqta’ qalbu u jieqaf. Imma Bartimew kien konvint li Ġesù biss seta’ jsalvah. Allura injora l-oppożizzjoni tal-oħrajn u ma tax każ ta’ x’setgħu jgħidu fuqu. Jekk nixtiequ l-fejqan ta’ Kristu, irridu nfittxu lil Kristu anke meta nsibu oppożizzjoni jew ma jkollniex tweġiba immedjata. Jeħtieġ li ngħajtu iktar bil-qawwa, nitolbu iktar, nipperseveraw fit-tama tagħna fl-għajnuna tal-Mulej.

Għalkemm l-għama ma jarax lil Ġesù, Ġesù jagħmel minn kollox biex jarah. Għall-istedina ta’ Ġesù, Bartimew jimtela b’enerġija straordinarja: itajjar il-mantar, jaqbeż fuq riġlejh u jmur ħdejn Ġesù. L-għajnejn ma kinux meħtieġa biex jiltaqa’ ma’ Ġesù, imma d-disponibbiltà tal-qalb. Għalkemm nieqes mid-dawl, għalkemm qatt ma ra personalment lil Ġesù bħalma setgħu jarawh ħafna oħrajn, Bartimew żamm l-għajnejn tal-qalb tiegħu fissi fuq Ġesù. Kien nieqes mid-dawl fiċikament imma mhux spiritwalment, tant li hu ra lil Ġesù iktar ċar minn dawk li setgħu jarawh b’għajnejhom, inkluż il-kapijiet u l-imgħallmin tal-Lhud.

Aħna wkoll għandna nżommu l-ħarsa ta’ għajnejna fissi fuq Ġesù Kristu. Irridu narawh kif tassew hu—jiġifieri ħafna iktar minn sempliċiment personaġġ storiku. Irridu narawh bħala Alla (sovran) li sar bniedem (Bin David, Sultan). Ġesù biss jista’ jsalvana. Irridu nħarsu lejn Ġesù għall-fidi bħalma għamel Bartimew.

L-istess Bartimew jgħallimna l-kuraġġ li ninħtieġu biex nitolbu l-għajnuna ta’ xi ħadd meta jkollna bżonn. Jgħallimna l-importanza tal-perseveranza qawwija meta rresqu t-talb tagħna minkejja d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fil-mixja tagħna. U bħal Bartimew, li wara l-fejqan ma telaqx lejn daru, inkomplu mixjin wara Ġesù nigglorifikawh.

Talba

Meta marsusin u mrekknin f’rokna b’ċirkostanzi tal-ħajja li jkunu jidhru ddisprati; meta nkunu rridu nieħdu deċiżjoni urġenti, immedjata, ta’ dak il-ħin, triq waħda, talba waħda hemm, karba sempliċi u ħierġa mill-qalb: Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!

Quddiem dak kollu li jagħmi l-qalb tagħna—in-nuqqas ta’ rikonoxxenza, is-suppervja, ir-rabta żejda ma’ oġġetti jew persuni, in-nuqqas ta’ sabar ma’ min jixtieq jiftaħ qalbu miegħi—bħal Bartimew aħna wkoll nitolbuk: Rabbuni, irrid li nara.