Ta’ kelmtu Alla, u ma jqarraqx

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum is-Sibt 30 ta’ Ottubru.

Kantiku (Dewt 32:1-12)

Il-ġid ta’ Alla lill-popluKemm-il darba ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles taħt ġwenħajha! (Mt 23:37) 

Agħtu widen, smewwiet, għax se nitkellem, *
ħa tisma’ l-art il-kliem ta’ fommi.
Ħa jinżel tagħlimi bħax-xita, *
u kliemi bħal qtar tan-nida,
bħal irxiex fuq raba’ jħaddar, *
bħal bexxa xita fuq il-ħxejjex.
Jien isem il-Mulej se nxandar: *
agħarfu l-kobor ta’ Alla tagħna! 

Hu l-blata tagħna, perfett għemilu, *
u ġusti triqatu kollha.
Ta’ kelmtu Alla, u ma jqarraqx; *
hu Alla ġust u sewwa. 

Ġiebu ruħhom ħażin miegħu, †
mhumiex iżjed uliedu
minħabba l-għajb tagħhom; *
kollu qerq u tagħwiġ dan in-nisel.
Mela hekk lill-Mulej tafuhulu, *
ja poplu iblah u bla għaqal?
Mhux hu missierek li nisslek, *
li sawrek u għamlek poplu? 

Ftakar fil-jiem ta’ dari, *
qis is-snin, iż-żmien li gerbeb;
staqsi lill-missierek u jurik, *
lix-xjuħ tiegħek u jgħidulek. 

Meta Alla l-Għoli ta lill-ġnus artijiethom *
u fired il-bnedmin minn xulxin,
qata’ l-limiti tal-art lill-popli *
skond il-għadd ta’ wlied Alla.
Imma sehem il-Mulej hu l-poplu tiegħu, *
Ġakobb il-wirt li messu. 

F’art imwarrba mar isibu, *
f’deżert waħxi u bla nies.
Hu qagħad madwaru u għallmu, *
u ħarsu bħal ħbub għajnejh.
Bħalma l-ajkla l-bejta ttajjar *
u tisseqqer fuq il-frieħ tagħha,
hekk huwa l-ġwienaħ firex, *
ħadu u refgħu fuqhom.
il-Mulej waħdu kien il-mexxej tiegħu, *
ma kellux miegħu alla barrani. 

Glorja.

Ant. 2: Agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna.

Ant. 3: Kemm hu kbir ismek, Mulej, fl-art kollha!

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/