L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd

It-Tnejn u Tletin Ħadd ta’ Matul is-Sena B

Nitolbu. O Alla ħanin li tista’ kollox, fit-tjieba tiegħek biegħed minna kull għawġ, biex inkunu ħielsa fir-ruħ u l-ġisem, u naqduk bla xkiel ta’ xejn. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. 

L-armla għamlet ftira żgħira u ġibitha lil Elija.
1 Slat 17:10-1

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, il-profeta Elija qam u rħielha lejn Sarefta. Kif wasal ħdejn bieb il-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejħilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli f’bieqja belgħa ilma x’nixrob”.

Hi u sejra, Elija raġa’ sejħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra ħobż f’idek”. Hija wieġbet: “Daqskemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra u ftit żejt fil-kus kulma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni; u mbagħad nikluha u mmutu”.

Elija wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għedtli: imma qabel agħmel ftira żgħira għalija, u ġibhieli. Imbagħad agħmel għalik u għal ibnek. Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dakinhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż”.

U dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien, hi u hu, u darha kollha. U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej permezz ta’ Elija.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 145(146):7,8-9a,9bċ-10

R/.(1): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Il-Mulej jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. R/.

Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej iħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin. R/.

Il-Mulej iżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/

Kristu offra lilu nnifsu darba biss.
Lhud 9:24-28

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja.

Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher darb’oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5:3

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah.

L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd.
Mk 12:38-44

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”.

Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.

Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

EVANĠELJU
L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd.
Mk 12:41-44

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed fit-tempju biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.

Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fl-Evanġelju li tippreżentalna l-Knisja għal dan il-Ħadd, Ġesù jpoġġi għall-attenzjoni tagħna żewġ tipi ta’ nies: dawk li jidhru sbieħ minn barra u dawk li huma sbieħ minn ġewwa. Fuq naħa għandna l-kittieba, ħsiebhom fil-glorja li tagħti d-dinja. L-hena tagħhom jidhru sbieħ għal wiċċ in-nies, filwaqt li “jberbqu ġid ir-romol” (v. 40), u jinħbew wara lbies vanituż li jaqtagħhom min-nies komuni. Fuq in-naħa l-oħra għandna armla, li umiljat ruħha meta ma stmerritx turi l-faqar tagħha pubblikament. Hija ma żammet xejn milli kellha għaliha, u mill-biċċtejn żgħar li tefgħet fit-teżor ħarġet fid-dieher il-qalb ġeneruża tagħha. 

“Iftħu għajnejkom mill-kittieba” (v. 38), jgħidilna l-Mulej Ġesù. Aħna ġieli nġibu ruħna bħall-kittieba? X’inhu l-aktar importanti għalina: kemm nidhru sbieħ u tajbin quddiem in-nies, jew li naraw il-bżonnijiet tagħhom u nkunu lesti li ngħinuhom b’qalbna kollha? 

Minkejja li l-offerta tal-armla kienet insinifikanti ħdejn l-offerti li bdew jitfgħu bosta għonja, l-għotja tagħha kellha valur akbar. Dan għaliex hija ma tatx miż-żejjed li kellha iżda tat kollox, kif jgħidilna Ġesù: l-armla tefgħet “kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix” (v. 44). Filwaqt li d-dinja tħares lejn dak li jidher minn barra, il-Mulej iħares lejn dak li hemm mistur fil-qalb. Nistgħu ngħidu li din l-armla hija mudell għal min qed jieħu l-mixja wara Ġesù bis-serjetà. Tabilħaqq, il-ħajja nisranija hija impenjattiva. Jekk irridu nkunu dixxipli awtentiċi tal-Mulej Ġesù jeħtieġ li nerħu s-sikurezzi kollha u nintelqu f’idejn il-Mulej, bil-fidi u t-tama fih. 

Kemm aħna lesti li nagħtu dak kollu li aħna, u dak kollu li għandna, biex nilqgħu lill-Mulej Ġesù f’ħajjitna? 

Talba

Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek; 

jiena rrid nibqa’ fiha sal-aħħar. 

Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek 

u nagħmilha b’qalbi kollha. 

Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek, 

għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi. 

Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek, 

u mhux lejn ir-regħba. 

Salm 119, 33-36