Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix

It-Tlieta u Tletin Ħadd Matul is-Sena B

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.

F’dak iż-żmien il-poplu tiegħek jinħeles.
Dan 12:1-3

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

F’dak iż-żmien iqum Mikiel, il-prinċep il-kbir, dak li qiegħed fuq ulied il-poplu tiegħek. Imbagħad jiġi żmien ta’ għawġ, li qatt ma jkun deher ieħor bħalu minn mindu ġens kien ġens sa dak iż-żmien. Imma jkun żmien li fih il-poplu tiegħek jinħeles, dawk kollha li jkunu nstabu miktuba fil-ktieb.

U ħafna minn dawk li huma rieqda fit-trab tal-art jistenbħu, min għall-ħajja ta’ dejjem u min għall-għajb u l-istmerrija għal dejjem. Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ’l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 15(16):5,8,9-10,11

R/.(1): Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

Kristu għamel perfetti għal dejjem ’il dawk li huwa jqaddes.
Lhud 10:11-14,18

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Kull qassis ieħor imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu, u joffri u jerġa’ joffri l-istess sagrifiċċju, bla ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet. Imma Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla, fejn qiegħed jistenna sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħt riġlejh. Għax hu b’offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes. Issa, fejn hemm il-maħfra tad-dnubiet, ma hemmx għalfejn issir aktar l-offerta għad-dnubiet.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 21:36

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ishru u itolbu l-ħin kollu,
biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri
u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah.

Jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ.
Mk 13:24-32

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Qed noqorbu lejn tmiem is-sena liturġika u l-Knisja tippreżentalna messaġġ ta’ tama filwaqt li tistedinna nirriflettu dwar dak li hu dejjiemi u jagħti sens lil ħajjitna. Nafu li fil-ħajja mhux kollox ward u żahar. Ilkoll ngħaddu minn esperjenzi ta’ tbatija li jġibu fuqna dlamijiet, dwejjaq u inċertezzi, meta “ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu u l-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema” (v. 24-25). Xi drabi nitilfu kull tama u nħossu s-sema nieżla fuqna daqs li kieku għalina waslet l-aħħar tad-dinja. Nibqgħu b’ħarsitna ffissata ’l isfel mitlufa fid-diżappunti, fl-inġustizzji u fit-telfiet li ġarrabna, fir-relazzjonijiet li sfaxxaw fix-xejn, fi pjanijiet li ma seħħewx, jew fil-mard li ġie fuqna jew fuq l-għeżież tagħna. Dan kollu jista’ jtellfilna l-paċi u jiddistrattana milli nżommu ħarsitna ’l fuq biex naraw “lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja” (v.26). Mill-banda l-oħra, mumenti ta’ kriżi fil-ħajja tagħna jistgħu jkunu ta’ stedina għalina biex ninħallu miċ-ċertezzi u mill-idoli foloz li nagħmlu minn żmien għal żmien biex nistgħu tabilħaqq nagħmlu spazju għal Ġesù fil-qalb tagħna.

X’inhuma l-idoli fil-ħajja tiegħek li jeħtieġ jaqgħu biex ikollok bidu ġdid, ħajja ġdida fi Kristu?

Mill-parabbola tat-tina, il-Mulej Ġesù qed iħeġġiġna biex nitgħallmu naqraw is-sinjali taż-żmien u b’mod speċjali biex nagħrfu l-preżenza tiegħu fl-ordinarjetà tal-ħajja tagħna ta’ kuljum tant li nagħrfu nistqarru: “Il-Mulej dan!” Illum, f’liema waqt l-aktar li ħassejt il-preżenza tal-Mulej?

Ġesù jgħidilna, “Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix” (v.31). Ta’ did-dinja kollox jgħaddi, imma kelmet il-Mulej iddum għal dejjem. Għalfejn mela norbtu qalbna u nagħmlu għalina idoli minn nies dgħajfin bħalna u minn ħwejjeġ materjali li jispiċċaw fix-xejn? X’post għandha l-Kelma t’Alla fil-ħajja tiegħek? Kemm qed tixtarrha u tħalliha tinbet f’qalbek biex tagħmel il-frott?

Il-tieni miġja tal-Mulej Ġesù bil-glorja timliena bit-tama. Mhux għalina li nkunu nafu l-jum u s-siegħa, imma jkun għaqli għalina li nirriflettu fuq kif qed nagħmlu użu miż-żmien li l-Mulej għoġbu jagħtina. Kif qed tipprepara ruħek għal din il-miġja? Kif qed tgħix il-kmandament tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu?

Talba

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,

m’għandix ġid ieħor ħliefek.”

Inżomm lill-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. (Salm 16, 1-2. 8)